IL-GVERN MATLI JIKKUNDANNA BLA EBDA RIŻERVA L-ĦTIF U L-QTIL TAT-TLIET ŻGĦAŻAGĦ IŻRAELITI
Il-Gvern Malti jikkundanna bla ebda riżerva l-ħtif u l-qtil tat-tliet żgħażagħ Iżraeliti li l-kadavri tagħhom instabu ħdejn il-belt ta’ Ħebron. Il-Gvern Malti jesprimi s-sogħba tiegħu għal dawn l-imwiet u jibgħat il-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familjari tagħhom u lill-poplu ta’ Iżrael.
Fl-istess ħin, il-Gvern Malti juri wkoll is-sogħba tiegħu għall-imwiet ta’ ċittadini Palestinjani li nqatlu waqt li kienet qiegħda ssir it-tfittxija għal dawn iż-żgħażagħ Iżraeliti. Il-Gvern Malti jemmen li għandu jsir dak kollu possibbli biex jinqabdu dawk li wettqu dan id-delitt faħxi u jingħataw il-ħaqq li jistħoqqilhom.
Il-Gvern Malti jesprimi wkoll in-nuqqas ta’ qbil tiegħu li poplu sħiħ Palestinjan jiġi suġġett għal tpattija kollettiva (collective punishment) fejn anke min huwa innoċenti u għandu rieda tajba jiġi kkastigat.
Il-Gvern Malti jqis dan l-episodju ikrah u kundannabbli bħala pass lura ħafna fir-relazzjonijiet bejn l-Iżrael u l-poplu Palestinjan, u jikkundanna bl-aktar mod sod kull att ta’ ritaljazzjoni u ta’ tpattija li tista’ tiġi minn kwalunkwe naħa bħala atti li jkomplu jbiegħdu t-tama li xi darba jkun hemm rikonċiljazzjoni dejjiema bejn dawn iż-żewġ popli.
Il-Gvern Malti jikkundanna wkoll l-estremisti u l-metodi tagħhom u jawgura li dawk li huma moderati u li għandhom il-ġid tar-reġjun u tal-popli tagħhom għal qalbhom, biex jingħaqdu, jaħdmu flimkien, u jeqirdu minn ġo nofshom dawk l-elementi estremisti li ma jridux jaraw paċi sseħħ fil-Lvant Nofsani.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041