STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI NŻAMM NHAR IL-ĦAMIS U L-ĠIMGĦA 26 U 27 TA’ ĠUNJU 2014
Sur President,
Nixtieq nirrapporta lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li sar waqt il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa 26 u 27 ta’ Ġunju, u li l-konklużjonijiet tiegħu qed inpoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra.
Id-diskussjoni prinċipali waqt il-Kunsill kienet ibbażata fuq il-prijoritajiet u d-direzzjoni li se tieħu l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin quddiemna u l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan hu mument ta’ bidliet fl-Unjoni Ewropea u b’hekk mument importanti biex aħna bħala pajjiż nimbuttaw il-kwistjonijiet li jinteressaw lilna bħala pajjiż.
Il-konklużonijiet jirriflettu punti importanti li għafasna fuqhom aħna b’mod partikolari l-enfasi fuq tkabbir ekonomiku, il-qasam tal-enerġija u l-immigrazzjoni.
Jean-Claude Juncker President tal-Kummisjoni Ewropea
Il-pożizzjoni li ħadt fil-Kunsill Ewropew dwar il-ħatra ta’ Jean-Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea kienet dik li ddikjarajt sa minn qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Jiġifieri li l-partit politiku li jirbaħ maġġoranza fuq livell Ewropew ikollu dritt li l-kandidat tiegħu japprova l-ewwel wieħed li jifforma maġġoranza biex ikun President tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-pożizzjoni tiegħi kienet waħda ta’ prinċipju u b’sens ta’ korrettezza demokratika.
Nistqarr li l-fatt li din id-deċiżjoni kellha tittella’ għal vot f’dan il-livell ma kienx l-aqwa mod fejn is-soltu deċiżjonijiet hekk jittieħdu b’unanimità. Madankollu wieħed għandu jirrispetta anke lil dawk fuq il-mejda tal-Kunsill li opponew il-ħatra tas-Sur Juncker. Irridu nifhmu x’inhuma l-oġġezzjonijiet ta’ dawn il-pajjiżi: ir-Renju Unit u l-Ungerija, u bl-ebda mod dawn il-pajjiżi ma jistgħu jiġu mwarrba.
Il-konklużjonijiet jirriflettu dawn ir-riżervi u jirrikonoxxu li hemm livelli differenti ta’ integrazzjoni Ewropea. Din hija stqarrija importanti in vista tal-possibilità tad-diskussjoni dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea u referendum eventwali.
Filwaqt li jirrespetta kull deċiżjoni li ttieħed mill-poplu Ingliż, il-Gvern Malti huwa tal-fehma li r-Renju Unit huwa parti essenzjali mill-Unjoni Ewropea.
Qegħdin insegwu dan id-dibattitu mill-qrib minħabba li jekk ir-rinegozjar u referendum iseħħu, parti minn dan il-proċess jaħbat matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Fuq kollox, kif kelli ċ-ċans niddikjara diġà, l-importanti mhuwiex daqstant l-isem tal-President il-ġdid iżda d-direzzjoni politika li se jieħu.
Fil-kuntatti li kelli mal-President-elett Juncker diġà aċċennajt għall-kwistjonijiet ta’ importanza għal pajjiżna bħat-tkattir tal-ġid u tkabbir ekonomiku, enerġija u immigrazzjoni fost oħrajn.
Flessibiltà fil-patt ta’ stabbiltà u tkabbir ekonomiku
Waqt is-summit iddiskutejna talba li saret minn xi membri stati biex l-Ewropa jkollha iktar flessibiltà kif tapplika r-regoli tal-patt ta’ stabbiltà.
Filwaqt li fis-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika relattivament tajba tagħna, din id-diskussjoni ma tapplikax direttament, ridna nieħdu pożizzjoni bilanċjata.
Il-pożizzjoni tal-Gvern kienet, għadha u tibqa’ li żżomm mal-miri finanzjarji li poġġiet matul is-snin l-UE. Dan qed jirnexxielna nagħmluh bl-iktar mod bil-għaqal possibbli filwaqt li żidna t-tkabbir ekonomiku.
Din it-talba għal iktar flessibiltà iżda tolqot lil pajjiżna xorta waħda minħabba li aħna nagħmlu l-kummerċ ma’ pajjiżi li għalihom huwa important li l-ekonomija tagħhom terġa’ tibda tikber.
Il-patt tagħna mhuwiex patt ta’ stabbiltà biss, imma wkoll patt ta’ tkabbir ekonomiku. Nemmen li l-flessibiltà tista’ tgħin biex l-Ewropa tibda terġa’ tiġġenera aktar ġid u toħroġ mir-razzjonal ta’ awsterità.
Fil-konklużjonijiet ġie deċiż li mhemmx lok għal bidla fit-trattati iżda li l-Kummissjoni Ewropea għandha tuża l-mekkaniżmi ta’ flessibiltà li diġà jeżistu u tagħmel proposti.
Immigrazzjoni llegali
Nemmen li bl-insistenza ma taqta’ xejn ta’ numru ta’ pajjiżi, fosthom Malta u l-Italja fil-qasam tal-immigrazzjoni, qed inwasslu biex l-Ewropa tħoss bis-serjetà sens ta’ urġenza u sens ta’ responsabbiltà Ewropea dwar din il-kwistjoni.
Il-koperazzjoni bejn Malta u l-Italja u l-mod kif ħdimna flimkien kemm fil-ħafna kriżijiet li kellna fl-ibħra ta’ madwarna biex insalvaw il-ħajjiet, imma wkoll biex inkunu effettivi fuq livell politiku Ewropew, qed iħallu l-frott. Illum kulħadd qed jifhem.
Fil-fatt il-kriżi fl-ibħra Mediterran kompliet imma bis-saħħa tal-ħidma mwettqa mill-Italja permezz tal-Mare Nostrum u bl-appoġġ li tajna bl-assets tagħna, salvajna l-ħajjiet mill-ibħra u qed inwasslu biex il-wasliet sa issa ma eskalawx.
Imma dawk safejn jidħlu l-obbligi tagħna.
L-obbligi Ewropej u fejn tidħol il-politika soda tagħna mal-politiċi qed inżommuhom ukoll fuq livell Ewropew. Kuntenti m’aħniex.
Imma dejjem mexjin lejn impenji iktar konkreti mill-Mexxejja Ewropej li qed iħossu li din hija kwistjoni Ewropea.
Minn dak li kien sempliċiment Patt volontarju li ma jorbotx, issa għandna Task Force li qed taħdem fuq soluzzjonijiet konkreti u b’impenn ċar li jitwettqu. Fl-aħħar ġimgħat ukoll tlestiet il-leġislazzjoni dwar is-Sistema Kommuni tal-Ażil (Common Asylum System).
Fil-konklużjonijiet mhux biss għandna referenza, imma daħħalna referenza għall-ewwel darba għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tas-Solidarjetà u t-Tqassim Ekwu tar-Responsabbiltà.
Minn issa ‘il quddiem il-Gvern Malti u dawk milqutin mill-fenomenu ta’ immigrazzjoni jistgħu jqumu u jirreferu għal dawn il-konklużjonijiet biex nagħmlu l-punt tagħna jekk din l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ma sseħħx. Nemmen li dan huwa ħafna iktar mill-kliem vag li kien ikollna fil-passat. Iżda mhux biżżejjed.
Ma’ din inżid li l-konklużjonijiet jirreferu wkoll għal passi ulterjuri biex titħaddem is-Sistema Kommuni tal-Ażil. Dan jagħtina iktar lok għal manuvrar biex inkomplu nsaħħu l-punt tagħna li dak li jseħħ f’Malta jew l-Italja jew il-Greċja meta persuna li qed tfittex l-ażil isserraħ saqajha Malta, dan ikun jgħodd bħala persuna li serrħet saqajha fl-Ewropa, mhux f’Malta biss. Dan huwa punt li hemm ħafna reżistenza għalih. Imma bir-ritmu li mexjin bih għandna l-momentum biex insostnu l-argumenti tagħna.
Fuq kollox, il-kollaborazzjoni tagħna mal-Italja, li minn din il-ġimgħa tieħu l-presidenza tal-Unjoni għandha twassal biex fl-immigrazzjoni nkomplu nagħmlu passi ‘il quddiem biex verament din il-kwistjoni tinħass kwistjoni Ewropea, mhux biss waħda tal-pajjiżi tal-Mediterran.
Nibqa’ ngħid li dan mhux biżżejjed. Imma żgur li nifhem li ħdejn il-baħħ tas-snin ta’ qabel, ir-riżultati anke f’dan il-qasam qed jidhru.
Nies ta’ talent lejn l-Ewropa
Ninnota wkoll li l-Kunsill inkluda fil-konkluzjonijiet proposta ta’ Malta biex l-Ewropa tniedi politika biex tattira nies ta’ talent lejha minn barra l-Ewropa.
Niftakar f’dan l-istess Parlament min ipprova jiddieħak bina għax daħħalna dan il-kunċett f’Malta. Issa nsibu referenza fil-konklużjonijiet tal-Kunsill li jgħid li l-Ewropa trid tattira persuni ta’ talent minn barra l-Ewropa lejha.
Enerġija
Impenn ieħor li joħroġ minn dan is-summit u li huwa fid-direzzjoni li qbadna bħala Gvern huwa li l-Ewropa se tħares lejn il-Mediterran bħala post minn fejn tipprovdi interkonnessjonijiet tal-enerġija.
B’hekk l-enerġija ma tibqax biss dominanza tal-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, imma dan il-kontinent ikollu sorsi oħra minn fejn iġib l-enerġija tiegħu.
Dan ikompli jsaħħaħ il-viżjoni li tellaqna fil-Gvern li nkunu hub ta’ enerġija f’nofs il-Mediterran. B’din il-viżjoni tagħna nkunu nistgħu aħna nipprovdu enerġija li nġibu mill-Afrika lejn il-bqija tal-Ewropa.
Dan jgħaqqad ukoll mal-Konferenza dwar l-Enerġija li se ssir f’Malta fl-10 u l-11 ta’ Lulju li għaliha se jattendi l-Kummissarju għall-Enerġija Gunther Oettinger kif ukoll rappreżentanti minn pajjiżi mill-Afrika ta’ Fuq, Lvant Nofsani u Ewropej. Għal din il-konferenza se jattendu wkoll rappreżentanti minn kumpaniji internazzjonali f’dan il-qasam biex flimkien mar-rappreżentanti tal-pajjiżi jaqsmu l-ideat u jiddiskutu kif il-Mediterran jista’ jkun sors ieħor ta’ rotot ta’ enerġija.
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ġorġja, Moldova u Ukrajna
Tajjeb nagħmlu referenza għall-iffirmar ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Komprensiv fil-Fond, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġorġja u l-Moldova kif ukoll dwar il-kontinwazzjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni simili mal-Ukrajna.
Saret ukoll sessjoni ta’ ħidma dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna fejn il-President tal-Ukrajna Petro Poroshenko kien preżenti għall-ewwel parti tad-diskussjoni. Il-President Poroshenko reġa’ kkonferma l-impenn tal-Gvern tal-Ukrajna li jkompli jagħmel li jista’ biex jimplimenta riformi bl-għan li jimmodernizzaw il-pajjiż. F’din is-sessjoni ta’ ħidma ġew identifikati numru ta’ kundizzjonijiet, inkluż li jintbagħtu spetturi mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) mal-fruntieri biex tiġi sorveljata s-sitwazzjoni. Il-Kunsill se jkompli jissorvelja s-sitwazzjoni u jekk ikun hemm il-bżonn jittieħdu deċiżjonijiet oħrajn.
Konklużjoni
Nibqa’ nisħaq li dan huwa mument kruċjali biex inwasslu l-ħsibijiet tagħna fuq livell Ewropew fi żmien ta’ bidla fl-istituzzjonijiet kollha.
Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew iċ-ċittadini Ewropej wasslu messaġġ li jridu Ewropa differenti. Hemm bżonn programm ta’ ħidma li jbiddel l-Ewropa kif inhi llum.
Hemm bżonn li t-tmexxija l-ġdida Ewropea, flimkien mal-Mexxejja tal-Istati Membri Ewropej kollha jaħdmu flimkien biex naqbdu direzzjoni ġdida fl-Ewropa li tkun waħda li tiffoka fuq prijoritajiet tan-nies li fuq kollox huma Ewropa ta’ ġid u Ewropa ta’ tkabbir ekonomiku.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041
PR141474a.pdf