TNEDIJA TA’ SERVIZZ TA’ OUTREACH SOCIAL WORK GĦALL-ANZJANI F’ERBA’ LOKALITAJIET F’MALTA
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana illum nediet proġett pilota - servizz ta’ Outreach Social Work għall-Anzjani.
Dr Caruana qalet li huwa fatt magħruf li l-anzjani f’pajjiżna u madwar id-dinja qegħdin jgħixu iżjed. Qalet li f’Malta kważi kwart tal-popolazzjoni Maltija huma anzjani, u dan ovvjament iġib miegħu diversi sfidi u għalhekk il-Gvern għaddej b'inizjattivi ġodda b'risq l-anzjani. Dawn jinkludu:
• Politika soċjali għal anzjanità attiva;
• Korsijiet għal dawk li se jispiċċaw mid-dinja tax-xogħol waqt li nkomplu insostnu l-università tat-tielet età;
• Liġi sabiex nipproteġu aktar lill-anzjani u persuni vulnerabbli minn abbużi;
• Pieni aktar ħorox għal min jabbuża jew juża vjolenza fuq anzjani u persuni vulnerabbli;
• Transformazzjoni taċ-Ċentri ta' Matul il-Jum f’Lifelong Learning Hubs;
• Strutturi ġodda sabiex iċ-ċentri ta’Matul il-Jum u id-Djar tal-Anzjani jkunu mmexxija b’involviment akbar tal-anzjani stess.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ħabbret it-tnedija ta’ dan is-servizz ġdid, servizz ta’ social work fil-komunità permezz tal-Kunsilli Lokali. Qalet li dan il-proġett ser jibda f’erba’ lokalitajiet: l-Isla, Ħad-Dingli, Mellieħa u Ħal Qormi; iżda mis-sena d-dieħla dan is-servizz ser jiġi estiż ma’ Malta kollha.
Dr Caruana sostniet li dan huwa servizz immirat għal numru ta’ anzjani avvanzati fl-età, li numru minnhom jkunu jgħixu weħidhom. Qalet li permezz ta’ dan is-servizz ġdid, is-social workers ikunu jistgħu jżuru lil dawn l-anzjani darba f’ġimgħa u jaraw li saħħithom hija tajba. Sostniet li s-social workers li jaħdmu fid-dipartiment huma nies li ġew imħarrġa għal dan it-tip ta’ xogħol b'mod professjonali u ser ikun hemm follow up tal-anzjani tagħna tal-inqas darba fil-ġimgħa u se jkun qed jinżamm record ta’ dawn il-viżti.
Is-Segretarju Parlamentari irringrazzjat lil Emma de Lucca, li tmexxi s-social work unit fid-Dipartiment tal-Anzjani u lis-social workers Joseph Scerri, Ann Scicluna, u Silvia Muscat li flimkien ma’ Emma de Lucca qiegħdin jagħmlu dan possibli.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo sostna li sabiex il-politika tal-Anzjanità Attiva tirnexxi din hemm bżonn illi tinżel ukoll fuq bazi lokali. Filwaqt li faħħar din l-inizjattiva huwa saħaq li l-Kunsilli Lokali għandhom l-obbligu li jservu bħala s-sinsla soċjali tal-kommunitajiet tagħna, xi ħaġa li qed tkompli tissaħħaħ permezz ta’ dan il-proġett pilota.
Huwa sostna wkoll li din il-politika li addotta l-gvern hija parti minn katina ta’ inizjattivi li ser ikomplu jgħinu sabiex nagħtu xi ħaġa lura lill anzjani tagħna hekk kif permezz tas-social workers dawn ser ikunu jistgħu jibqghu jgħixu fil-komunitajiet li jkunu qattgħu ħajjithom fihom. Xi ħaġa li ċertament ser tkompli tgħin lill anzjani tagħna sabiex jibqgħu attivi.
Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ aktar Kunsilli Lokali jieħdu sehem f’dan il-proġett pilota, proġett li ser ikompli jressaq il-kunsilli lokali aktar vicin in-nies u b’hekk ikunu ferm aktar effettivi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041