INQAS SKART MILL-IKEL = AMBJENT AĦJAR + AKTAR FLUS F’IDEJK
Bħalissa madwar din il-mejda għandkom taħlita ta’ persuni b’ esperjenza vasta fil-qasam tagħhom, miġburin hawn flimkien b’għan wieħed.
Dan il-grupp, taħt il-ko-ordinazzjoni ta’ Ms Lisa Cassar Shaw, iċ-Chairperson tal-working group li għadni kif ħtart, ser ikunu impenjati biex sa tmiem Awwissu li ġej iħejju għadd ta’ rakkomandazzjonijiet prattiċi, fattibbli u li jistgħu jitwettqu mingħajr wisq diffikultà, bil-għan li nindirizzaw flimkien il-fenomenu tal-Food Waste li bħalissa qed jiġi indirizzat fuq diversi livelli: minn dak ta’ organizazzjonijiet dinjija bħal FAO, għall-Gvernijiet ta’ kull lewn politiku.
Aħna ser inkunu qed naħdmu flimkien ma’ practitioners li huma rappreżentanti ta’ għadd ta’ setturi li jvarjaw mill-hospitality business, il-catering fosthom il-lukandiera, is-supermarkets, ir-regolaturi fil-qasam tal-iskart, dawk li jiġbruh, il-Kunsilli Lokali, u s-settur tas- saħħa fost oħrajn. Nixtieq inħabbar li l-Oppożizzjoni ġiet mistiedna tinnomina rappreżentant fuq dan il-working group.
Il-ħidma tagħhom sejra tkun waħda, li jindirizzaw flimkien l-isfida tal-problema tal-iskart mill-ikel li b’kollox jitla’ għal madwar kwart tal-iskart kollu li noħolqu u niġġeneraw.
Meta nżommu f’moħħna li ħafna minn dan l-ikel seta’ faċilment ittiekel jew ġie iffrankat, mal-ewwel naslu għall-konklużjoni waħda, li fil-fatt hija wkoll t-tema ewlenija ta’ dan l-eżerċizzju li qegħdin inniedu llum: Inqas skart mill-ikel = Ambjent aħjar + Aktar flus.
Min inaqqas l-iskart mill-ikel ikun qed jaħseb għal-saħħtu, għall-ambjent u anki għal-butu.
Fl-Ingilterra biss, huwa stmat li l-iskart mill-ikel jitla’ għal madwar ħames biljun lira sterlina fis-sena.
Meta u jekk innaqsu l-iskart mill-ikel igawdu kemm iċ-ċittadini komuni, il-households Maltin u Għawdxin u anki n-negozji nfushom.
Ma jiswa xejn li naspiraw biex kulħadd jgħix ħajja diċenti biex imbgħad insibu li hemm tant ikel li qed jinħela u jintrema. Dan, b’dannu ekonomiku, ambjentali u anki għar-riżorsi tal-pajjiż.
B'anqas ħela ta’ ikel, imur anqas skart fil-landfills tagħna u aktar nispiċċaw innaqqsu l-gassijiet serra marbutin mat-tibdil tal-klima.
Min huwa espert fis-suġġett jgħidlek li l-iskart mill-ikel ġej primarjament min-nies li jippjanaw ħażin, li jixtru ikel aktar milli għandhom bżonn, li ma jaħżnux l-ikel kemm u kif suppost, li ma jifhmux preċiżament xi jfisser id-date labelling u x’tip ta’ ikel għandu jiġi ffriżat, li jqassmu ħażin il-porzjonijiet tal-ikel kif ukoll li jagħmlu użu ħażin tal-leftovers.
Din il-ħidma tal-lum hija biss il-bidu ta’ triq li trid twassal biex il-problema tal-iskart mill-ikel tkun fost l-elementi ewlenin tal-kampanja edukattiva dwar l-immaniġġjar tal-iskart li għandha parti integrali x’tilgħab fit-tħaddim tal-pjan tal-iskart innifsu.
Huwa aktar importanti li tnaqqas l-iskart li toħloq flok tħabbel rasek dwar kif ser tiddisponi u teħles minnu. Jekk ma nkejlux il-problema li qed nitkellmu dwarha llum, żgur ma nkunux kapaċi noffru soluzzjonijiet xierqa.
Mhuwiex soltu li jkollok mal-istess mejda chefs u restaurateurs stabbiliti, nies mis-settur tas-saħħa, tal-immaniġġjar tal-iskema tal-iskart, nies bi kwalifiċi fil-food waste nnifsu, rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti bħall-MHRA u Kunsilli Lokali.
Jekk jirnexxielna nqajmu kuxjenza dwar dan kollu nkunu diġà bdejna mexjin tul triq li fl-aħħar mill-aħħar għandha tkun fl-aħjar interessi ta’ kulħadd.
Din mhiex xi issue politika jew kontroversjali. Anzi għall-kuntrarju għandha tikseb l-appoġġ tal-istakeholders kollha lokali bis-soċjetà ċivili nnifisha tkun iċ-ċavetta tas-suċċess prospettiv tagħha.
Għalkemm il-pjan li niedejna aktar kmieni din is-sena jitkellem ċar dwar tnaqqis mill-iskart permezz tal-hekk imsejjaħ waste minimisation, aħna nemmnu li nistgħu naslu biss jekk jkun hemm ir-rieda ta’ kulħadd.
Iżda biex ikun hemm ir-rieda jkun jeħtieġ qabel xejn li kulħadd ikun infurmat dwar il-ħtieġa u l-importanza ta’ dan kollu.
Ninsab fiduċjuz li l-persuni madwar din il-mejda ser jgħinu biex bl-ideat tagħhom jiftħu moħħ ħafna nies dwar kif jistgħu jixtru, jikkunsmaw u jiddisponu mill-ikel b’aktar għaqal u galbu. Tgawdu intom u jgawdi il-food supply chain innifsu wkoll. Din il-problema bħalissa qegħda tiġi indirizzata fuq livell globali, internazzjonali, reġjunali u anki lokali.
Ħidmet dan il-working group sejra tkun biex naraw l-aktar mod effettiv u effikaċi kif tista’ tiġi indirizzata fuq bażi lokali.
Meta nara is-CVs tal-persuni madwar din il-mejda nqawwi qalbi li ser inkunu qed inħallu x-xogħol għal min jaf jagħmlu u għal min jinsab kommess li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin permezz tal-ħidma u l-ideat tiegħu.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041
pr141467a.pdf