TIĠDID TAR-REĠISTRU TAS-SITI TAL-IMNASAB
Il-Wild Birds Regulation Unit qed tinnotifika persuni interessati li se tibda proċess ta’ tiġdid tar-reġistru tas-siti tal-imnasab taħt it-termini tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S. 504.71). Dan l-eżerċizzju se jsir sabiex jiġi aġġornat ir-reġistru preżenti u jiġi żgurat li ma jkunx hemm mnasab f’żoni protetti jew f’abitati naturali.
Persuni illi għandhom fil-pussess tagħhom liċenzja valida (Carnet de Chasse Għall-Insib tal-Għasafar) jew huma interessati biex japplikaw għal-liċenzja tal-insib fil-futur, huma mitluba jmorru personalment l-Aġenzija tal-Pagamenti (Paying Agency) il-Pitkalija, Ta’ Qali mill-Erbgħa 2 ta’ Lulju sal- Erbgħa 30 ta’ Lulju 2014 bejn is-1pm u l-5pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa u nhar ta’ Sibt mid-9am sa nofsinhar.
Dan l-eżerċizzju ta’ reġistrar qiegħed isir mingħajr preġudizzju lejn xi rekwiżiti jew obbligi legali inkluż xi regoli oħra, ħlasijiet u/jew kundizzjonijiet li jistgħu japplikaw fil-każ ta’ xi derogi tal-insib. Din ir-reġistrazzjoni m’hijiex sejħa għall-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-insib u ma tintitolax lill-persuna sabiex tmur tonsob fuq is-sit inkwestjoni u lanqas ma tintitola lill-persuna għal xi liċenzja tal-insib skont ir-Regolamenti dwar il-Konservazjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Iżda, jekk ’il quddiem il-Gvern jiddeċiedi li jibda jilqa’ applikazzjonijiet għall-liċenzji tal-insib, dawk il-persuni li kellhom is-siti rreġistrati mal-Wild Birds Regulation Unit biss ikunu eliġibbli.
Għal raġunijiet ta’ reġistrazzjoni, persuni interessati għandhom jieħdu magħhom erba’ kopji tal-mappa tas-sit li fiha hemm il-mansab/mnasab li jridu jirreġistraw mal-Wild Birds Regulation Unit. Jiġu aċċettati biss dawk is-siti li speċifikament jikkonformaw mal-kriterji tal-Wild Birds Regulation Unit u li m’humiex f’żoni protetti jew abitati naturali.
Se jiġu reġistrati biss siti bi mnasab li kienu jeżistu qabel l-aħħar ta’ Diċembru 2012 u speċifikament jaqblu mal-parametri kif speċifikati mill-Wild Birds Regulation Unit. Siti bi mnasab li kienu diġà ġew irreġistrati mal-Kummissarju tal-Pulizija jibqgħu validi biss jekk jiġu approvati mill-Wild Birds Regulation Unit bħala parti minn dan l-eżerċizzju ta’ tiġdid. Kopji ta’ dawn is-siti li kienu rreġistrati mal-Kummissarju tal-Pulizija għandhom xorta jiġu ppreżentati għal verifika mill-Wild Birds Regulation Unit bħala konferma illi is-sit kien ġie rreġistrat sal-aħħar ta’ Diċembru 2012. Kull persuna jista’ jirreġistra mhux iżjed minn erba’ mnasab fejn minn dura waħda jkun hemm sa’ massimu ta’ żewġ mnasab. Kull min huwa interessat irid iġib miegħu l-Karta tal-Identità tiegħu sabiex jirreġistra is-sit, kif ukoll mapep leġibbli f’qisien A4 jew A3. Jekk persuna ser tirreġistra ukoll xi mansab/mnasab għan-nom ta’ ħaddieħor, trid tippreżenta l-Karta tal-Identità tal-persuni l-oħra, in-numru tal-mowbajl tagħhom flimkien ma’ erba’ kopji ta’ kull mappa għal kull persuna li għaliha ser issir ir-reġistrazzjoni. Dawn il-mapep tas-siti jridu juru l-basemap fuq skala ta’ 1:2500 jew simili, bil-koordini X u Y jidhru, jew juru elementi speċifiċi tal-pajsaġġ (bħal ħitan tas-sejjieħ, toroq, eċċ) kif ukoll jindikaw l-isem tal-post jew il-madwar (e.ż. ‘Wied l-Aħmar’, ‘Ir-Ramlija’, eċċ). Siti immarkati fuq ritratti mill-ajru ma jiġux aċċetati ħlief dawk il-mapep li ġew pprovduti mid-Dipartiment tal-Agrikultura / Paying Agency sa l-aħħar ta’ Ġunju 2014, iżda f’dan il-każ il-koordini tas-sit iridu jkunu inklużi (mhux aċċettabbli jekk il-koordini tas-sit ma jkunux jidhru).
Il-konfini tas-sit bl-imnasab irid ikun immarkat tajjeb bl-aħmar fuq il-mapep kollha inkluż il-kopji tagħhom. Kull mansab irid ukoll ikun immarkat bl-aħmar fuq kull kopja. L-applikant jista’ jimmarka u jirreġistra sa’ erba’ mnasab biss, kif ġej: jew (a) erba’ mnasab f’sit wieħed fuq mappa waħda (sa massimu ta’ żewġ mnasab minn dura waħda u żewġ mnasab oħra minn dura oħra fl-istess sit) – (ara Eżempju A); jew (b) żewġ siti fuq mappa waħda fejn f’kull sit ikun hemm immarkat sa massimu ta’ żewġ mnasab minn dura waħda – (ara Eżempju B); jew (ċ) żewġ mapep separati fejn f’kull sit ikun hemm immarkat sa massimu ta’ żewġ mnasab minn dura waħda (ara Eżempju Ċ). Ma jiġi reġistrat l-ebda mansab fil-konfini ta’ Santwarji tal-Għasafar jew Bajjiet Protetti. Jekk is-sit ikun ġewwa l-konfini ta’ żoni protetti oħra, jiġi reġistrat biss jekk ikun ikkonfermat li l-mansab kien jeżisti qabel l-aħħar ta’ Diċembru 2012 (il-mansab irid jidher fuq ir-ritratti mill-ajru datati mill-2012 ’l isfel, jew reġistrat mal-Kummissarju tal-Pulizija sal-aħħar ta’ Diċembru 2012 kif ukoll, qabel l-ewwel ta’ Lulju 2014, l-għalqa kienet ġiet reġistrata bħala eliġibbli mad-Dipartiment tal-Agrikultura / Aġenzija tal-Pagamenti.
Wieħed jista’ jċempel l-uffiċċju tal-Wild Birds Regulation Unit fuq 23886214 / 215 mid-9am san-12:30pm. Min-nhar l-Erbgħa 2 ta’ Lulju sal-Erbgħa 30 ta’ Lulju wieħed jista’ jċempel ukoll l-Aġenzija tal-Pagamenti fuq 22926148 bejn is-1:00pm u l-5:00pm.
Map (1).jpg
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041