STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI
Erbgħa u għoxrin siegħa wara li ġiet ippublikata l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, l-Oppożizzjoni għadha ma ħarġet ebda stqarrija uffiċjali dwar dan l-iżvilupp ewlieni għall-politika nadifa f’pajjiżna. Minflok, l-Oppożizzjoni għażlet li tipprova toħloq kontroversja fejn m’hemmx lok għaliha.
Fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, l-liġi dwar l-imġieba xierqa fil-ħajja pubblika lanqas waslet sal-ewwel qari tagħha kif waslet issa taħt dan il-Gvern. Din il-liġi kienet proposta mid-Deputat Prim Ministru ta’ llum u ma jeżisti ebda dubju li se tiġi implimentata. Dan il-Gvern huwa kommess favur imġieba xierqa fil-ħajja pubblika tant li, wara biss erbatax-il xahar fit-tmexxija, diġà implimenta liġijiet li l-amministrazzjoni preċedenti baqgħet ma daħħlitx wara kwart ta’ seklu fil-poter.
F’din il-leġiżlatura diġà tneħħiet il-liġi tal-preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni mwettqa mill-politiċi biex ħadd ma jserraħ moħħu li ż-żmien jista’ joqtol każ ta’ imġieba ħażina. F’din il-leġiżlatura diġà ddaħħlet il-liġi tal-Whistleblower biex tingħata protezzjoni massima lil kull min irid jikxef imġieba ħażina mill-politiċi. Issa, ġiet ippubblikata l-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi li tassigura trasparenza fl-għotjiet li jingħataw u n-nefqiet li jagħmlu.
L-Oppożizzjoni m’għandha ebda kredibilità dwar korrettezza fil-klassi politika għaliex kienet hija biss li kaxxkret saqajha biex idaħħal dawn il-liġijiet meta kienet fil-Gvern. B’differenza, din hija amministrazzjoni li twettaq dak li twiegħed u li se tkompli tilleġiżla favur il-politika nadifa li żżid il-fiduċja tan-nies fl-amministrazzjoni tal-pajjiż irrespettivament minn liema partit politiku jkun fil-Gvern.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041