FIL-JIEM LI ĠEJJIN SEJRIN ISIRU TAĦDIDIET BEJN IL-GVERN, IL-KUNSILLI LOKALI U L-OPERATURI TAL-ISKEMI BI TĦEJJIJA GĦALL-PROĠETT PILOTA DWAR BORŻA ĠDIDA GĦALL-ĠBIR TAL-ISKART
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo fl-okkażjoni tal-Local Council Awards 2014 organizzati mill-GreenPak Coop
Il-Ministru Leo Brincat ħabbar li fil-jiem li ġejjin sejrin isiru taħdidiet bejn il-Gvern, il-Kunsilli Lokali u l-Operaturi tal-Iskemi bi tħejjija għall-introduzzjoni ppjanata sew ta’ proġett pilota dwar borża ġdida għall-ġbir tal-iskart. Dan bil-għan li tiġi indirizzata waħda mill-problemi ewlenin li għandu l-pajjiż fil-qasam tal-iskart bħalissa.
Il-bżonn ta’ separazzjoni aħjar tal-iskart fis-sors minn fejn joriġina. Iżda ħaġa naturali li qabel nippjanaw l-introduzzjoni ta’ borża ġdida rridu niżguraw illi fejn sal-lum kienu qegħdin jingħataw it-tieni borża b’xejn lir-residenti, fuq bażi volontarju, dan għandu jibqa’ jsir b’mod regolari għaliex dan in-nuqqas żgur ma jinċentivax il-pubbliku biex jisseparaw l-iskart.
Huwa qal dan meta kien qed jindirizza l-Local Council Awards 2014 tal-GreenPak Coop fl-uffiċini tal-Koperattivi, f’Ħal-Qormi.
Il-Ministru Brincat qal li biex dan jirnexxi hemm bżonn tħejjijiet serji u meqjusa kif ukoll impenn mill-istakeholders kollha – mill-Gvern Ċentrali saċ-ċittadini nfushom.
Huwa tenna li pjani bħal dawn żgur ma jirnexxux jekk ma jkunx hemm sehem pro-attiv u rwol integrali kemm għall-Kunsilli Lokali f’dan il-proċess kif ukoll għall-operaturi tal-iskemi.
Huwa qal li din hija problema li ilha tintefa bħat-trab taħt it-tapit.
Iżda l-Gvern jemmen li issa wasal iż-żmien li nibdew nindirizzaw din l-issue bis-serjetà u bl-impenn li jixirqilha, ħalli meta jibda jopera l-impjant il-ġdid tal-Għallis magħruf bħala l-Malta North is-separazzjoni tal-iskart ikun laħaq livelli ferm ogħla milli laħaq sal-lum.
Il-Ministru Brincat saħaq li ma nistgħux naċċettaw attitudni ta’ business as usual mill-istakeholders f’dan ir-rigward jew xi reżistenza għall-bidla. Iżda min-naħa l-oħra xejn ma għandu jsir bl-impożizzjoni, iżda biss wara konsultazzjoni wiesgħa u xierqa.
Il-Ministru Brincat tenna li l-istess jgħodd għal sistema aktar organizzata u effettiva dwar il-ġbir tal-iskart mill-entitajiet u azjendi kummerċjali għaliex sal-lum għad hemm ħafna operaturi fosthom outlets tal-ikel li ma għandhomx il-kolletturi tal-iskart tagħhom kif titlob minnhom il-liġi.
Filwaqt li faħħar lill-GreenPak għall-impenn tagħhom matul is-snin, il-Ministru Brincat qal li l-operaturi tal-iskemi qed jaqdu funzjoni importanti fil-pajjiż għaliex apparti milli jdaħħlu u jħaddmu l-element ta’ producer responsibility qegħdin jagħmlu dan fuq diversi livelli permezz ta’ programmi edukattivi u ħidma intensiva fuq tliet livelli:
• Dak tal-attivitajiet fl-iskejjel,
• Dak fost il-komunità,
• Kif ukoll permezz tas-sehem tagħhom ma’ u fl-industrija.
Il-fatt li din l-organizazzjoni llum qed topera bħala Koperattiva jsaħħaħ l-impenn tal-membri tagħha biex igawdu mis-suċċessi li tista’ tikseb l-istess Koperattiva b’riżultat ta’ ħidmietha.
Fuq livell internazzjonali s-sehem tal-Greenpak Coop fi ħdan l-organizazzjoni Ewropea Proeurope Packaging Recovery Organisation, li ilha mwaqqfa bħala organizazzjoni fil-qasam tal-packaging waste recovery kważi għoxrin sena, huwa ta’ awgurju tajjeb biex din l-Koperattiva tkun f’qagħda li żżomm ruħha dejjem aġġornata dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart, qasam fejn id-dinamika tiegħu tinsab qed tinbidel il-ħin kollu.
Il-Ministru Brincat qal li diġà bdew taħdidiet bejn il-Ministeru tiegħu u s-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali li mistennija jintensifikaw fil-ġimgħat li ġejjin ħalli tiġi miflija bir-reqqa kif ir-relazzjoni tal-Kunsilli Lokali mal-WasteServ innifisha tista’ tissaħħaħ u tinbidel f’waħda ta’ win win u aktar ġusta, xierqa u sostenibbli għaż-żewġ naħat.
Bħala Ministru responsabbli mill-WasteServ, il-Ministru Brincat qal li jieħu gost jinnota li għall-ewwel darba Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali ħa l-interess li jżur il-kumpanija WasteServ ħalli mhux biss jiltaqa’ mal-uffiċjali ewlenin tagħha imma wkoll sabiex jiffamiljarizza ruħu mal-problema bejn il-WasteServ u l-Kunsilli Lokali li hemm bżonn jiġu indirizzati għal ġid ta’ kullħadd. Huwa tenna li se jimpenjaw ruħhom biex dan isseħħ.
Il-Ministru radd ħajr kemm lill-GreenPak, lis-Segretarjat Parlamentari tal-Kunsilli Lokali u lir-rappreżentanti tal-istess Kunsilli għas-sehem li qed jagħtu flimkien ma’ stakeholders oħrajn, fi ħdan lis-Stakeholders Group li waqqaf aktar kmieni din is-sena.
Il-Ministru Brincat temm jgħid li bis-sehem tagħhom dawn kollha qegħdin jgħinu direttament fl-implimentazzjoni tal-pjani tal-Gvern fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart. Huwa radd ħajr lill-kulħadd inkluż lill-Oppożizzjoni għas-sehem li ħadu fid-dibattitu Parlamentari riċenti dwar l-immaniġġar tal-iskart.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li sabiex jiżdied il-livell ta' riċiklaġġ f'pajjiżna l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw rwol ċentrali f'dan il-proċess.
Huwa qal li dan għarfu sa mill-ewwel ġurnata li ġie fdat bir-responsabbiltà tal-Gvern Lokali u b'ħidma pro-attiva mal-Ministru Leo Brincat bdew jfasslu pjan strateġiku li jkompli jżid il-livelli ta' riċiklaġġ f'pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq li t-triq hija twila, fadlilhom ħafna biex jaslu, però konvint li jekk ikollhom sinerġija fil-ħidma tagħhom jaslu żgur.
Huwa qal li jemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom jaħdmu sabiex iżidu l-għarfien dwar l-importanza tar-riċiklaġġ tal-iskart b'kampanji edukattivi aktar b'saħħithom, kif ukoll jingħataw aktar għodda sabiex joffru lir-residenti tagħhom l-aqwa servizz ta' ġbir ta' skart fil-lokalitajiet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li issa li ħolqu l-irwol ta' Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ f'kull Kunsill Lokali, dawn għandhom jaħdmu sabiex jinkoraġġixxu aktar żgħażagħ u tfal sabiex jagħrfu aktar l-importanza li nirriċiklaw u li ngħożżu l-ambjent ta' madwarna. L-edukazzjoni minn età bikrija tista’ tibdel il-mentalità ta' ġenerazzjonijiet futuri.
Huwa qal li diġà beda jaħdem sabiex tiżdied aktar il-koperazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u kumpaniji bħal GreenPak sabiex b'ħidma kollettiva jgħinu fit-titjib ambjentali ta' pajjiżna.
Huwa jemmen li rridu ndaħħlu fil-lokalitajiet tagħna sens akbar ta' kburija bil-kisbiet li jkunu għamlu f'dan il-qasam. Huwa qal li xorta waħda però jibqa’ jisħaq li l-prijorità prinċipali ta' kull Kunsill Lokali sabiex verament ikun effettiv f'dan il-qasam tibqa’ dik li jkomplu jkattru bidla fil-mentalità tan-nies.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo temm jgħid li dan kollu ma jirrikjedix sforzi kbar, jirrikjedi biss sforz kollettiv bejn il-partijiet kollha kkonċernati, jirrikjedi aktar sinerġija fl-isforzi tagħna sabiex b'hekk f'dan il-qasam pajjiżna jibda wkoll jilħaq il-livelli ta' riċiklaġġ li ntlaħqu diġà f'ħafna pajjiżi oħra Ewropej.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041