Left arrow Mur Lura

ĦTIEĠA TA’ PROGRAMM LI JBIDDEL L-EWROPA MINN KIF INHI LLUM

pr141454
Date Icon 27/06/2014

B’korrettezza demokratika, u b’sinjal ta’ bidla lejn kif is-soltu jsiru l-affarijiet, fil-Kunsill Ewropew li ntemm illum, il-Gvern Malti appoġġa l-ħatra ta’ Jean Claude Juncker għall-President tal-Kummissjoni Ewropa minkejja li dan il-kandidat ma jiġix mill-familja politika tal-partit li qed imexxi lil pajjiżna. Kif kien qal il-Prim Ministru qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, la darba hemm is-sistema li biha l-partiti politiċi Ewropej ewlenin jagħżlu l-kandidat tagħhom, huwa xieraq li dak il-partit li fuq bażi Ewropea jġib l-iktar voti, ikollu l-preferenza biex jgħaqqad maġġoranza.

Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-mezzi tax-xandir, Dr Joseph Muscat ikkonferma li fis-summit Ewropew ġie mitlub vot dwar din il-ħatra li, minkejja li ma kienx preċedent sabiħ għaliex is-soltu l-Kunsill Ewropew jieħu deċiżjonijiet b’unanimità, kien pass li wieħed għandu jirrispetta. L-istess kif wieħed jara x’qed idejjaq lir-Renju Unit, u sa ċertu punt lill-Ungerija, fil-ħatra ta’ Jean Claude Juncker.

Filwaqt li kkonferma li diġà kellu kuntatti ma’ Jean Claude Juncker, il-Prim Ministru qal li, iktar importanti mill-isem tal-persuna għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, hemm il-programm li se jimplimenta fil-ħames snin li ġejjin biex joħloq il-ġid u x-xogħol. Dr Muscat qal li “hemm bżonn programm li jbiddel l-Ewropa minn kif inhi llum. In-nies madwar l-Ewropa wasslu dan il-messaġġ ċar u tond billi ma marrux jivvutaw f’ċertu pajjiżi filwaqt li f’pajjiżi oħra vvutaw għal partiti ewroxettiċi. Anke f’pajjiżna, bil-vot tagħhom, in-nies wasslu messaġġ li jridu Ewropa differenti”.

Intant, fis-summit Ewropew kien hemm talba għal iktar flessibbiltà tassattiva. Il-Prim Ministru qal li dan il-punt jgħodd iktar għal ekonomiji oħra, milli għal pajjiżna, iżda jaffettwa lill-pajjiżi li jixtru mingħandna u allura huma s-swieq tagħna. “Il-patt tagħna m’huwiex biss patt ta’ stabbilità imma wkoll patt ta’ tkabbir. Il-flessibbiltà li jistgħu jingħataw pajjiżi oħra, biex ma jibqgħux jintaxxaw lin-nies anke meta qed joħroġ id-demm, huwa l-bidu biex l-Ewropa tibda tħares lejn it-tkabbir ekonomiku”, qal Dr Muscat.

Fil-Kunsill Ewropew li ntemm illum kien hemm konklużjonijiet oħra importanti għal Malta. Ġie aċċettat għall-ewwel darba li, b’rabta mal-immigrazzjoni llegali, jkun hemm qsim ta’ responsabbilità. Il-Prim Ministru fisser dan l-iżvilupp bħala approvazzjoni tal-kunċett li l-immigrazzjoni llegali mhijiex problema ta’ pajjiż wieħed jew tnejn imma l-problema tal-Ewropa. Dr Muscat qal li għad fadal ħafna iktar xi jsir imma huwa pożittiv li ġew aċċettati kunċetti oħra – fosthom li jintbagħtu lura l-immigranti li ma jkollhomx status ta’ refuġjat jew protezzjoni sussidjarja u li jkun hemm ilqugħ f’pajjiżi terzi minn fejn jiġu l-immigranti.

Punt ieħor li ħareġ mis-Summit Ewropew huwa dwar l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex, fil-ħames snin li ġejjin, tħares lejn il-Mediterran bħala post minn fejn tipprovdi l-enerġija. “Għalina dan huwa importanti għax Malta għadha kif fassalet il-viżjoni ta’ pajjiż li jkun bħala hub tal-enerġija fil-Mediterran. Din il-viżjoni fit-tul tfisser li Malta tkun il-pajjiż minn fejn l-Ewropa ġġib l-enerġija mill-Afrika u biha tibqa sejra lejn postijiet differenti fl-Ewropa”, qal Dr Muscat.

Il-Kunsill Ewropew aċċetta wkoll proposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex l-Ewropa tniedi politika biex tattira lejha nies ta’ talent. “Malta diġà qed tkun protagonista f’din il-ħidma bil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u huwa ta’ sodisfazzjon li issa, fil-programm tal-Kummissjoni Ewropea għal ħames snin li ġejjin, hemm imniżżel li l-Ewropa trid tniedi politika li permezz tagħha tattira persuni ta’ talent lejha”, temm jgħid il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow