PASS STORIKU IEĦOR FAVUR IL-POLITIKA NADIFA
Ippubblikat l-abbozz ta' Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti Politiċi
Illum ġie ppublikat l-abbozz ta' liġi dwar il-finanzjament tal-partiti. Din il-liġi se tkun qed tipprovdi fost oħrajn biex kandidat elett li jinqabad jagħmel dikjarazzjoni falza dwar kemm nefaq f'kampanja elettorali jitlef is-siġġu.
F'konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li f’inqas minn sena u nofs il-gvern se jkun daħħal tliet pilastri kbar li se jwasslu għal politika nadifa: it-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq reati kommessi minn politiċi, l-Whistleblower Act u l-finanzjament tal-partiti. Dan bil-għan li l-poplu Malti jerġa’ jikseb il-fiduċja fil-politiċi.
Dr Bonnici fakkar li l-liġi tal-finanzjament tal-partiti kienet ilha tissemma 25 sena, fost l-oħrajn fir-Rapport Galdes tal-1994 u fl-abbozz ta' liġi li kien ippreżenta Dr Franco Debono fil-leġiżlatura li għaddiet madankollu qatt ma daħlet fis-seħħ minħabba nuqqas ta' rieda politika.
Dr Bonnici ddeskriva dan l-abbozz bħala pass storiku. Ftit xhur ilu kienet ħarġet White Paper dwar il-finanzjament tal-partiti u minn dakinhar 'il quddiem sar proċess ta' konsultazzjoni pubblika li wassal biex jitfassal l-abbozz ta' liġi.
Huwa żied jgħid li l-Kummissjoni Elettorali tista’ tiċħad talba għar-reġistrazzjoni ta’ partit jekk id-deskrizzjoni mogħtija ta’ dak il-partit tkun bħal dik ta’ partit jew kandidat ieħor jew tkun saret b’ mod illi fiha nnifisha tikkostitwixxi l-għemil ta’ reat. Il-partit ikollu dritt li jappella minn din id-deċiżjoni.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq il-ħtieġa ta’ kontabilità u għalhekk stqarr li l-partiti għandhom jagħtu rendikont lill-Kummissjoni Elettorali ta’ dak li jkunu rċevew u dak li ġie użat mill-partit u r-records ta’ kontabilità għandhom jinżammu skont l-istandards tal-accounting biex b’hekk ma jkunx hemm lok ta’ konfużjoni jew dubju.
Dr Bonnici tkellem ukoll dwar il-kontroll ta’ donazzjonijiet lil partiti rreġistrati u l-membri tagħhom fejn spjega li l-partiti m’għandhomx jirċievu :
o Donazzjonijiet anonimi li jaqbżu l-€50 mill-istess sors f’sena
o Donazzjonijiet kunfidenzjali li jaqbżu l-€500 mill-istess sors f’sena
o Donazzjonijiet li jaqbżu l-€40,000 mill-istess sors f’sena
Huwa spjega li l-għoti ta’ rigali jew sponsorships jew propjetà wkoll jitqiesu bħala donazzjonijiet u l-valur tagħhom m’għandux jaqbeż dawk iċ-ċifri stabbiliti.
Dr Bonnici tkellem ukoll dwar l-infiq waqt l-elezzjonijiet fejn kandidat għall-elezzjonijiet ġenerali ma jistax jonfoq aktar minn €20,000 għal kull distrett elettorali li jikkontesta iżda huwa liberu li jaqsam l-ammont permissibbli kif jidhirlu bejn id-distretti li jikkontesta. Kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ma jistax jonfoq aktar minn €50,000 filwaqt li għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, kandidat ma jistax jonfoq aktar minn €5,000.
Huwa spjega wkoll li fl-abbozz hemm proposti emendi għall-Kostituzzjoni, għall-Erbatax-il Skeda tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali u għal liġijiet oħra elettorali bl-iskop illi, filwaqt li jiżdiedu l-ammonti li kandidat jista’ jonfoq fuq il-kampanja elettorali, jipprovdu wkoll li jekk jinstab mill-Qorti Kostituzzjonali li kandidat elett fl-elezzjoni ġenerali jkun għamel dikjarazzjoni falza dwar l-infiq elettorali tiegħu, jew jekk ikun nefaq iżjed milli tippermettilu l-liġi, huwa jitlef is-siġġu.
Minn naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Liġijiet, Dr Franco Debono, qal li l-poplu Malti jixraqlu li jkollu liġi bħal din u li l-fondi li jingħataw lill-partiti politiċi mhumiex xi ħaġa ħażina, anzi huma xi ħaġa tajba, iżda kien hemm bżonn ta' regolamentazzjoni f'dan il-qasam. Żied jgħid li l-konsultazzjoni pubblika saret ukoll mal-partiti politiċi. Stqarr ukoll li dan l-abbozz juri element ta’ kontinwità lejn l-impenn tal-Gvern favur il-politika nadifa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041