IMNEDIJA KAMPANJA T’GĦARFIEN DWAR GĦAŻLA AĦJAR TA’ MEDIĊINI GĦALL-KONSUMATUR
Kampanja mibnija fuq proċess ta’ djalogu sostnut minn erba’ pilastri
Il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili nieda kampanja t’għarfien dwar is-suġġett ‘Il-Mediċini: Għażla Aħjar Għalik.’
Il-kampanja hija mmexxija mill-Awtorità dwar il-Mediċini flimkien mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), u tnediet waqt laqgħa pubblika organizzata flimkien mal-MEUSAC.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru s-Sur Joseph Camilleri semma’ kif din il-kampanja hija mibnija fuq proċess ta’ djalogu sostnut minn erba’ pilastri:
1. Roħs tal-prezzijiet tal-mediċini.
2. It-tisħiħ tal-Awtoritajiet ikkonċernati speċjalment dawk li jieħdu ħsieb il-konsumatur u dawk li jassiguraw il-kwalità tajba tal-mediċini.
3. Informazzjoni lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa kif ukoll lill-pazjenti dwar l-għażla u l-użu tal-mediċini.
4. Assigurazzjoni li l-pazjenti jkollhom għażla sħiħa ta’ mediċini effettivi u ta’ kwalità tajba.
Dan id-djalogu qed iservi biex il-prezzijiet tal-mediċini jinżammu fl-inqas prezz għall-pazjenti u fl-istess waqt il-pubbliku jkollu disponibbli l-mediċini essenzjali bi prezz raġonevoli u xieraq meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn.
Il-Professur Anthony Serracino Inglott, Chairperson tal-Awtorità dwar il-Mediċini, spjega kif l-Awtorità tevalwa l-mediċini kemm dawk ta’ referenza kif wkoll ġeneriċi sabiex ikun assigurat li dawn il-prodotti jilħqu l-istandards meħtieġa.
Irid jiġi assigurat ukoll li dawn għandhom iktar benefiċċji milli riskji, li huma ta’ kwalità tajba u li jħallu l-effett/i kif preżentati lill-pazjenti.
Ġie spjegat kif il-pazjenti jistgħu jinvolvu ruħhom fl-għażla tal-mediċini billi jistaqsu lill-ispiżjar jew lit-tabib dwar l-ghażla tal-mediċini bi prezzijiet differenti.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur Marcel Pizzuto semma’ kif il-kompetizzjoni trid tilgħab rwol biex tiżgura li s-suq jiffunzjona favur il-konsumatur biex b’hekk ikun jista’ jibbenefika minn kwalità aħjar, għażla aktar wiesa’ ta’ mediċini, varjetà ta’ prodotti, iżjed innovazzjoni u prezzijiet orħos.
Fisser kif it-tobba u l-ispizjara jilagħbu rwol importanti għax joffru informazzjoni dwar l-għażla tal-mediċini sabiex il-konsumatur ikun jista’ jixtri mediċini bi prezz raġonevoli.
Il-laqgħa pubblika tmexxiet mid-Direttur fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini s-Sur Gavril Flores filwaqt li saret ukoll preżentazzjoni dwar is-suġġett mis-Sa Helen Vella mid-Direttorat għal-Liċenzjar fi ħdan l-istess awtorità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041