Left arrow Mur Lura

IL-VITTMI TAD-DROGA JEĦTIEĠU RIABILITAZZJONI U MHUX KASTIGI – IL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA

pr141443
Date Icon 26/06/2014

“L-ebda riabilitazzjoni ma tista’ tirnexxi jekk kemm-il darba l-klijent ma jingħatax l-attenzjoni meħtieġa wara l-kura. Għalhekk, biex ix-xogħol f’dan il-qasam jagħti l-frott huwa siewi li l-vittma qatt ma tmiss mal-qorti biex ma tingħata l-ebda timbru. Wara, irridu naħdmu fuq sistema ta’ out-patient u meta l-klijent jonqos milli jiġi, immorru aħna biex nagħtuh l-għajnuna meħtieġa.”

Dan qalu l-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia meta dalgħodu indirizza d-diskussjoni nazzjonali bis-suġġett Id-Droga: Realtà Attwali mtella’ mill-Fondazzjoni Oasi fl-Imġarr Għawdex. Għal din il-konferenza attendew bosta esperti fil-qasam tad-droga kif ukoll persuni li jew qed jattendu programm ta’ riabilitazzjoni inkellha ilhom li għamlu l-programm u llum jinsabu jgħixu l-ħajja li dejjem xtaqu fis-soċjetà.

Fil-bidu tad-diskors, il-Ministru Michael Farrugia irringrazzja lil dawk kollha li għamlu l-interventi tagħhom fosthom dawk lil dawk esperti fil-panel, kif ukoll lil dawk preżenti li qasmu l-esperjenzi personali tagħhom meta kienu vittmi tad-droga. Il-Ministru aċċenna li minn dawn l-esperjenzi għandna għalfejn nitgħallmu ħafna għaliex bihom naraw fejn morna ħażin inkella tajjeb ħalli fl-istess waqt intejbu fejn irnexxejna u hekk inkomplu nibnu fuq it-tajjeb li sar s’issa.

Huwa qal ukoll li minn dak li ntqal jitqanqlu mistoqsijiet serji. Fosthom jekk il-vittma li jinqabad għandux imur il-ħabs, jekk għandniex inħallulu theddida fuq rasu, jew inkella noħolqulu l-opportunità biex jimxi ’l quddiem. Il-Ministru Farrugia qal li dawk preżenti jixtiequ wkoll li l-vittmi jingħataw l-opportunità biex jimxu ’l quddiem iżda biex naslu għal dan ma nistgħu qatt inwassluhom biex jirriabilitaw billi nagħtuhom sentenza ta’ ħabs u kastigi. Il-Ministru Farrugia qal li ftit sigħat ilu kien hemm min qal li meta nimxu b’dan il-mod lejn riabilitazzjoni mingħajr kastig nistgħu nkunu qed nixħtu lill-vittma f’idejn it-traffikant. Huwa qal li dan mhux minnu għaliex l-Abbozz tal-white paper ma jgħidx hekk, u din il-white paper dwar il-Liġi tad-Droga għadha trid tiġi ippubblikata fil-ġranet li ġejjin. Huwa sostna li l-iskop tal-liġi se jkun li tingħata direzzjoni u kura lill-vittmi, nistħarrġu l-ħiliet u l-kwalitajiet tajba tagħhom, u fejn dawn huma nieqsa nħeġġuhom jieħdu t-tagħlim u t-taħriġ  sabiex ikollhom l-opportunità jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li dan l-aħħar fehem aktar kemm ċerti liġijiet għandhom jinbidlu għaliex beda jmiss b’idejh il-problemi reali. Huwa semma’ li ltaqa’ ma’ każ ta’ koppja, it-tnejn vittmi tad-droga li ntebħu bl-iżball li kienu fih meta nħarġilhom care order fuq it-tfal u b’hekk għażlu li jidħlu għal riabilitazzjoni. Iżda wara li għamlu l-programm b’suċċess u kien ilhom clean għal numru ta’ snin, baqgħu jbatu bil-care-order li nħarġet fuq uliedhom b’konsegwenza li sa llum għadhom imċaħħda milli jaraw lil uliedhom. B’hekk, dak li ħadmu għalih biex ħarġu mill-vizzju, baqa’ ma tax il-frott mixtieq. Il-Ministru Farrugia qal li minkejja l-isforz tal-vittmi, aħna għadna m’aħniex qed inħarsu kif xieraq lejn id-drittijiet tat-tfal, jiġifieri dak li jirritornaw għand il-ġenituri bioloġiċi tagħhom.

Il-Ministru Farrugia qal li llum jitqanqlu mistoqsijiet oħrajn fosthom jekk aħniex qed nagħmlu biżżejjed biex il-messaġġ għall-prevenzjoni mill-abbuż jasal b’mod ċar u konkret. Huwa sostna li hemm mezzi oħrajn kif b’edukazzjoni maħsuba u effettiva, il-ġenerazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ tista’ tifhem aħjar il-konsegwenzi tal-użu jew abbuż tad-droga. Fost dawn għandna nikkunsidraw bis-serjetà li nieħdu lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ biex iżuru u jaraw iċ-ċentri ta’ riabilitazzjoni u hemm jisimgħu minn fomm il-vittmi stess l-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom. Esperjenzi li jkunu kissru lilhom u lill-familji tagħhom.

Huwa qal li għalli ġej hemm il-ħtieġa li mmorru għall-bidla meħtieġa, iżda qabel ma nagħmlu dan irridu nifhmu sew jekk il-prevenzjoni hix tirnexxi u t-tieni, li ssir ri-evalwazzjoni tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni li qed noffru. Il-Ministru Michael Farrugia sostna li huwa jemmen li m’għandux għalfejn ikun hemm kompetizzjoni bejn it-tliet ċentri li qed jagħtu d-diversi servizzi.  It-triq ’il quddiem qal il-Ministru għandha tkun dik li kull entità tistudja u tara l-oqsma li l-aktar għandha l-kapaċitajiet u l-ħila biex tispeċjalizza fihom.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li waqt ir-riabilitazzjoni għandha ssir ħidma oħra fejn nifhmu lill-vittma u ngħinuha tifhem il-marda, naraw ukoll il-ħiliet li għandha u, ladarba tispiċċa b’suċċess il-programm hux se jkollha xogħol u saqaf fuq rasha. Huwa għalhekk, sostna l-Ministru Farrugia li jeħtieġ nagħtu attenzjoni speċjali sabiex il-vittma tagħraf lilha innifisha u tifhem bil-ħtieġa li wara li titlaq mil-lok ta’ riabilitazzjoni tad-droga, tħoss li għandha tibqa’ ssib il-kenn u l-faraġ fil-kura individwali li jeħtieġ li nibqgħu nagħtu lil dawn il-persuni.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow