IS-SEGRETARJI PARLAMENTARI CHRIS AGIUS U IAN BORG JINAWGURAW L-MCAST EXPO 2014
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius kienu t-tnejn preżenti għall-ftuħ uffiċjali tal-MCAST Expo 2014, flimkien mac-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST Dr Silvio De Bono u l-Prinċipal tal-Kulleġġ Stephen Cachia. L-MCAST Expo hija esibizzjoni li fiha l-istudenti mill-10 istituzzjonijiet tal-Kulleġġ jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom, kif ukoll l-intraprizi jingħaqdu mal-MCAST biex juru x’għandhom joffru lill-istudenti. Waqt li tkun miftuħa l-esibizzjoni, studenti mill-iskejjel tal-istat u l-pubbliku inġenerali jistgħu jattendu sabiex ikunu aktar informati dwar il-korsijiet offruti mill-MCAST għas-sena skolastika l-ġdida. Din hija ta’ serħan il-moħħ speċjalment għal dawk l-istudenti li spiċċaw il-ħames sena tas-sekondarja sabiex iduqu ftit minn dak li joffru d-diversi kulleġġi tal-MCAST.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u l-Fondi Ewropej, Ian Borg, qal li fil-programm finanzjarju 2007-2013, l-MCAST ibbenefikat minn madwar €32 miljun sabiex tkompli tinvesti fit-taħriġ tal-istudenti u l-istaff li ta’ kuljum jattendu dan il-kampus. Dan l-investiment fisser li madwar 6,000 persuna ngħataw taħriġ f’diversi oqsma differenti.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li l-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 għandu budget ta’ €132 miljun u l-MCAST mistennija tkun waħda mill-benefiċċjarji ewlenin ta’ dan il-fond ħalli tkun tista’ tkompli tinvesti fil-bniedem li huwa l-aktar riżorsa importanti għal pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius, qal li fil-passat kellna mismatch fejn jidħlu korsijiet u xogħlijiet. Kemm-il darba l-istudenti speċjaliżżaw f’suġġetti li mbagħad ma kienux utli għall-karriera tagħhom. Madanakollu, saħaq li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-futur u tkellem dwar l-importanza li titgħallem għaliex l-għarfien iġagħlek tkun intiż dwar dak li qed jiġri madwarek. L-edukazzjoni u l-għarfien huma għodda biex wieħed ikun għani.
Is-Segretarju Parlamentari semma’ wkoll kemm hu importanti li s-settur tal-industrija u dak tal-edukazzjoni jaħdmu flimkien, fejn l-industrija għandha toffri esperjenzi liż-żgħażagħ u tressaqhom aktar lejn ir-realtà tal-post tax-xogħol.
L-MCAST Expo ser tkun miftuħa mill-25 sat-28 ta’ Ġunju.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041