Left arrow Mur Lura

GĦALL-EWWEL DARBA, MALTA TFAKKAR JUM IL-BAĦĦARA - GĦAJNUNA MILL-GVERN ĊENTRALI BIEX JITWAQQAF ĊENTRU ĠDID GĦALL-BAĦĦARA MALTIN U BARRANIN

pr141433
Date Icon 25/06/2014

Għall-ewwel darba, Malta qed tingħaqad ma’ pajjiżi oħrajn biex tfakkar il-Jum Internazzjonali iddedikat lill-baħħara, li ta’ kull sena jiġi mfakkar fil-25 ta’ Ġunju mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

F’ċerimonja quddiem il-monument tal-baħħara f’Ta’ Liesse, il-Belt Valletta, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi qal li sa mill-mument li l-ewwel nies rifsu fuq il-gżira tagħna bil-baħar, in-niċċa ta’ Malta marittima ġiet imnaqqxa għal dejjem, speċjalment f’dawn in-naħat tal-gżejjer.

Huwa fakkar kif sa minn żmien il-qedem, il-Maltin iddependew fuq l-industrija marittima għall-għixien tagħhom u tul is-snin, din l-industrija evolviet f’waħda mis-sisien tal-ħajja soċjali u ekonomika Maltija.

“Din hija okkażjoni biex infakkru n-numru kbir ta’ Maltin li ħadmu u li għadhom jaħdmu sal-lum il-ġurnata fuq l-ibħra madwar id-dinja. Minn hawn, nieħu din l-opportunita’ biex inħabbar l-appoġġ li se jagħti l-Gvern Malti għall-ftuħ ta’ ċentru għall-baħħara ġewwa Ta’ Liesse,” qal il-Ministru.

Din l-inizjattiva hija waħda ta’ sostenn soċjali għall-baħħara Maltin, kif ukoll għal dawk il-baħħara barranin li jżuru ta’ kuljum ix-xtut tagħna. Iċ-ċentru, li se jservi bħala ċentru ta’ mistrieħ u għajnuna lill-baħħara, se jsir fuq inizjattiva tal-union li tirrappreżenta l-baħħara u l-Kappillan tal-Port, Fr Joseph Borg.   

Ix-xogħol se jsir bl-għajnuna tal-Gvern, b’mod partikolari tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastrutura, il-GHRC u Transport Malta, li t-tnejn jaqgħu taħt l-istess Ministeru.

Dan iċ-ċentru se jkollu żoni ta’ rikreazzjoni u mezzi minn fejn il-baħħara jkunu jistgħu jikommunikaw mal-qraba tagħhom.

F’attivita separata, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura indirizza seminar organizzat fl-MCAST, il-Kalkara, dwar l-opportunitajiet li jeżistu għal dawk l-istudenti li jixtiequ karriera fil-qasam marittimu. Filwaqt li għadd ta’ studenti kif ukoll persuni li jaħdmu fil-qasam marittimu, qasmu l-esperjenzi tagħhom, il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Gvern għaraf il-potenzjal li għandu x’joffri dan il-qasam u huwa kommess li jkompli jagħtih is-sostenn neċessarju biex ikompli jikber.

Huwa qal li l-qasam marittimu huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija Maltija, b’mod partikolari dak li huwa investiment barrani, settur ibbażat fuq żewġ doni – fuq il-pożizzjoni ġeografika tagħna f’nofs il-Mediterran u n-nies ħabrieka li huma s-sinsla ta’ dan is-suċċess.

Huwa fakkar kif fir-reġistru tal-bastimenti taħt il-bandiera Maltija, Malta llum irnexxielha tikseb fama internazzjonali. Il-bandiera Maltija llum hija l-akbar fl-Ewropa u s-seba’ l-akbar fid-dinja.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-bżonn li f’Malta jkun hemm aktar interess miż-żgħażagħ u tibdil fis-sistema eduikattiva tagħna biex nippreparaw aktar lill-istudenti tagħna fil-bżonnijiet ta’ din l-industrija. Qal li kien għalhekk li l-Gvern qed jaħdem fuq il-ħolqien ta’ akkademja marittima li tiżgura li tipprepara liż-żgħażagħ tagħna għal futur sostenibbli f’dan is-settur.

Huwa qal li l-Gvern jemmen bis-sħiħ li s-suċċess ta’ din l-industrija jista’ biss ikompli jikber jekk ikollna nies kompetenti li jistgħu jkunu ta’ valur miżjud għall-industrija.

Il-Ministru appella lill-istudenti biex iħarsu lejn dan is-settur b’serjeta kif ukoll lill-għalliema biex iħeġġu aktar tfal u żgħażagħ jagħżlu karriera f’dan is-settur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow