IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI IĦABBAR AKTAR BAJJIET ANIMAL FRIENDLY
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes ħabbar ħames żoni tal-għawm għall-klieb. F’dawn iż-żoni, s-sidien tal-klieb jistgħu jieħdu l-klieb tagħhom għall-għawm.
Dawn iż-żoni tal-għawm tal-klieb huma waħda mill-miri importanti tal-Gvern fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali. Permezz tat-tnedija ta’ din l-inizjattiva, l-Gvern qiegħed iwettaq wegħda oħra favur id-drittijiet tal-annimali fejn is-sidien ta’ klieb ikunu jistgħu jgawdu l-baħar flimkien mal-klieb tagħhom matul ix-xhur sħan tas-sajf.
Il-pubbliku huwa mfakkar li waqt li f’dawn iż-żoni tal-għawm wieħed jista’ jieħu l-kelb tiegħu, dawn iż-żoni jibqgħu postijiet pubbliċi fejn anki l-pubbliku jinżel jgħum. Għaldaqstant is-sidien tal-klieb qed jiġu mfakkra li l-klieb għandhom jinżammu l-ħin kollu biċ-ċinga sakemm dawn jitniżżlu l-baħar.
Is-sidien għandhom iġorru boroż fuqhom biex jekk il-klieb tagħhom iħammġu, il-ħmieġ jinġabar minnufih u jiddisponu minnu f’bins li tpoġġew f’dawn iż-żoni. Huwa ferm importanti li s-sidien iżommu l-klieb tagħhom il-ħin kollu taħt osservazzjoni u kontroll biex ma joħolqux inkonvenjent lill-pubbliku. Dawn iż-żoni ser ikunu wkoll immonitorjati regolarment għall-kwalita’ tal-ilma.
Iż-żoni tal-għawm għall-klieb huma dawn li ġejjin:
• Mellieħa: il-bajja tat-Torri l-Abjad
• Kalkara: il-bajja tar-Rinella
• Selmun: il-bajja tal-Imġiebaħ
• Marsascala: il-bajja ta’ Wied il-Għajn u Żonqor Point
• Għawdex: il-bajja ta’ Daħlet l-Imġarr ix-Xini
Il-bajjiet l-oħra huma:
• Baħar ic-Ċagħaq (Kosta ta’wara il-Kumpless Splash and Fun)
• Sliema: Tigne Point
• Marsaxlokk: Quddiem (Xatt is-Sajjieda/Triq Wilġa)
• Għawdex: Żebbuġ: Kosta ta’ Quddiem Triq il-Batterija (Maġemb il-Bajja ta’ Xwejni)
• Mellieħa: Daħlet ix-Xmajjar (Aħrax)
Is-Seġretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jixtieq jirringrazzja lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, lill-Kunsilli Lokali rispettivi, kif ukoll lill-Ministeru għal Għawdex li ħadmu id f’id mad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi biex ġew identifikati dawn iż-żoni tal-għawm għall-klieb.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041