Dalgħodu fil-Palazz il-Belt, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret it-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà
Dalgħodu fil-Palazz il-Belt, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret it-twaqqif tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
Din il-Fondazzjoni għandha l-għan li toħloq spazju fejn in-nies jiġu flimkien u permezz ta’ djalogu jiddiskutu x’inhuwa ta’ ġid għas-soċjetà.
Il-Fondazzjoni se tkun qed tiġbor fiha żewġ aspetti, jiġifieri r-riċerka u l-konsultazzjoni, fejn ir-riċerka tuża metodoloġiji innovattivi u l-konsultazzjoni tkun formali u anki informali.
Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà se tkun qed tħaddan fiha erba’ entitajiet li ser ikunu qegħdin jiffukaw fuq temi speċifiċi.
Dawn huma: l-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija, ċ-Ċentru għar-Riċerka fuq il-Familja, l-Osservatorju għall-Għixien Xieraq u ċ-Ċentru għall-Ħelsien mill-Vizzji.
Il-President Coleiro Preca qalet li se jitwaqqaf ukoll Kunsill tal-Gvernaturi magħmul minn Presidenti Emeriti u eks Prim Ministri, li permezz ta’ djalogu strutturat ikunu jistgħu jikkontribwixxu fuq dak li jaħsbu li jista’ jkun ta’ ġid għas-soċjetà.
Spjegat kif fi ħdan il-Fondazzjoni se jinħoloq forum li jiġbor fih fora li tikkonċentra fuq oqsma speċifiċi bħat-tfal, l-ambjent, l-anzjani, l-familja, persuni b’diżabilità, l-arti u l-kultura u d-djalogu inter-reliġjuż fost l-oħrajn.
Qalet li din il-fora se tkun qed tiltaqa’ flimkien fil-Forum tal-President biex jiġu diskussi kwistjonijiet li jolqtu direttament lin-nies.
Il-President Coleiro Preca qalet li dan huwa l-mod kif titħaddem u tissaħħaħ id-demokrazija fejn kull ċittadin jista’ ikun attiv fid-diskussjoni ta’ temi komuni li jġibu n-nies flimkien.
Il-President Coleiro Preca sostniet li din il-Presidenza se tkun waħda attiva billi tkun miftuħa għad-djalogu ħalli dak li nkunu qegħdin nagħmlu jkun relevanti u ta’ ġid għas-soċjetà.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041