IL-MINISTRU DR MICHAEL FARRUGIA U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI DR JUSTYNE CARUANA JILTAQGĦU MAR-RESIDENTI TAD-DAR TAL-PROVIDENZA
Il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dr Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Justyne Caruana, żaru d-Dar tal-Providenza. Dr Farrugia u Dr Caruana qalu li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jħabbar għadd ta’ inizjattivi għall-ħajja aħjar tal-persuni b’diżabiltà. Dan stqarrewh waqt żjara li għamlu fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, fejn minbarra li ltaqgħu u tkellmu mar-residenti, żaru l-ICT Lab u l-Kamra Multisensorjali li sena ilu ġiet inawgurata uffiċċjalment mill-President, illum Emeritus, Dr George Abela.
Dr Farrugia saħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni li hemm bejn l-Istat u l-Knisja fejn jidħlu persuni b’diżabiltà. Il-Knisja minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tagħti sehemha f’dan is-settur. Il-Ministru wiegħed l-appoġġ tal-Gvern f’dak kollu li qed tagħmel il-Knisja, speċjalment fid-Dar tal-Providenza, biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabiltà.
Min-naħa tagħha, Dr Caruana faħħret il-ħidma tad-Dar tal-Providenza fuq livell uman u fuq livell soċjali u tenniet li bis-saħħa tar-relazzjonijiet u ta’ kooperazzjoni mill-qrib qed ikomplu jissaħħu s-servizzi u l-benefiċċji għall-persuni b’diżabilità. Hija qalet kif is-Segretarjat tagħha ħadem bis-sħiħ f'dawn l-aħħar xhur b’risq il-persuni b'diżabiltà u frott ta’ din il ħidma ser ikun hemm sensiela ta’ inizjattivi ġodda li ser jitħabbru dalwaqt. Dr Caruana temmet id-diskors tagħha billi awgurat suċċess għall-maratona għal ġbir ta fondi b’risq id-Dar ta’ Providenza.
Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li d-Dar hi kommessa li tkompli tagħti l-aqwa servizz residenzjali lil persuni b’diżabilità li huma u/jew il-familjari tagħhom jagħżlu li jieħdu mingħandha u li sa fejn hu possibbli toffri servizzi ta’ respite biex hekk tgħin f’dan il-qasam ukoll. Huwa żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hija impenjata wkoll li tagħti s-sehem sħiħ tagħha fil-Forum tal-Organizzazzjonijiet li joffru Servizzi Residenzjali lill-Persuni b’Diżabilità u fil-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità biex jiġi assigurat li din il-ħidma f’pajjiżna ssir bl-aktar mod ikkoordinat possibbli. Fr Martin wiegħed ukoll “l-appoġġ sħiħ lil Gvern biex hekk, b’ħidma flimkien, tassew nassiguraw li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u l-familja tagħhom ikunu dejjem mħarsa”.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041