AVVIŻ DWAR PALM LI JINTUŻA MIS-SAJJIEDA
Billi jinsab fil-qrib l-istaġun tal-Lampuki, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jixtieq jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li friegħi tal-palm li jintużaw bħala mezz biex jinqabdu l-lampuki jkunu ħielsa minn kwalunkwe sintomu assoċjat mal-Bumunqar l-Aħmar tal-Palm. Dan qed isir biex tkompli titnaqqas il-firxa ta’ dan l-insett.
Malta, bħal pajjiżi oħra fil-Mediterran, għandha problema bil-Bumunqar Aħmar tal-Palm (Rhynchophorus ferrugineus). Dan il-Bumunqar itaqqab il-palma u kapaċi joqtolha fi ftit żmien, u kapaċi wkoll itir distanzi twal. Għalhekk huwa importanti li min juża friegħi tal-palm għas-sajd għandu jiżgura li dawn jiġu minn palm mhux infettati bil-Bumunqar Aħmar.
Il-friegħi għandhom jinqatgħu qosra kemm jista’ jkun biex jitnaqqas is-sors ta’ infestazzjoni li normalment ikun fil-parti t’isfel tal-fergħa. Il-qtugħ ta’ friegħi għandu jkun segwit bi trattamenti preventivi kontra l-Bumunqar Aħmar tal-Palm billi jintużaw taħlita ta’ insettiċidi li jgħattu l-ferita fil-palma, minħabba li l-Bumunqar Aħmar tal-Palm iħobb ibid f’qatgħat friski fil-palma.
Min-naħa l-oħra, il-palma li minnha ttieħdu l-friegħi għandha tkun trattata b’insettiċida adattata. Dan it-trattament għandu jkun ripetut għal tliet darbiet konsekuttivi biex is-siġra tkun protetta bl-aħjar mod possibbli.
Peress li l-Canary Palm (Phoenix canariensis) hija waħda mill-iktar speċi suxxettibbli għal dan l-insett, attenzjoni speċjali għandha tingħata lil din il-palma. Din hija l-ikbar fost il-palm u għandha friegħi ħodor skuri b’xewk ippuntat. Minkejja dan, kull speċi ta’ siġra tal-palm għandha tingħata l-istess trattament meta jinqatgħu l-weraq.
Sabiex ikun ikkontrollat dan il-mard id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jħeġġeġ għal koperazzjoni tal-pubbliku f’dawn l-attivitajiet ħalli dawn id-drawwiet jitkomplew mill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-qtugh tal-friegħi tal-palm għandu dejjem isir skont ir-regolamenti lokali u taħt is-superviżjoni tad-Direttorat li jagħti struzzjonijiet dwar dan il-qtugħ ta’ friegħi u dejjem b’approvazzjoni bil-miktub minn qabel minn dan l-istess Direttorat.
Għal aktar informazzjoni u gwida wieħed għandu jikkuntattja id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima fuq 22927106 jew fuq freephone 80072310. Wieħed jista’ ukoll jagħmel kuntatt permezz tal-posta elettronika plantquarantine@gov.mt jew iżur is-sit uffiċċjali tad-Direttorat www.planthealth.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041