SPIĊĊA Ż-ŻMIEN LI L-GWARDJANI LOKALI JIBQGĦU BISS MAGNI TAĊ-ĊITAZZJONIJIET
“Bħala gvern nemmnu li l-gwardjani lokali għandhom jiddiversifikaw il-ħidma tagħhom u mhux jispiċċaw magni taċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku biss.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni li għadda s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Stefan Buontempo dalgħodu waqt laqgħa għall-kunsilliera Maltin u Għawdxin kollha li ġiet organizzata mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali.
Sostna wkoll li hemm bżonn gwardjani lokali li jedukaw u gwardjani lokali li jaħdmu favur il-ħarsien ambjentali fil-lokalitajiet tagħna. Fost il-proposti li ser ikunu qed jitmexxew il-quddiem hemm dik li l-gwardjani lokali jibdew jirregolaw is-swieq fil-beraħ sabiex b’hekk jitneħħa piz żejjed minn fuq il-kunsilli lokali.
Buontempo tkellem wkoll fuq proġett ġdid li qed jaħdem fuqu s-segretarjat tiegħu b’rabta ma’ sistema ta’ customer care bejn il-kunsilli lokali u l-entitajiet tal-gvern sabiex b’hekk il-gvernijiet lokali tagħna jsiru ferm aktar effiċjenti.
Is-Segretarju Parlamentari elenka wkoll uħud mis-suċċessi ta' dan il-gvern fosthom id-dritt tal-vot għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena u l-ħatra tal-ambaxxaturi taż-żgħażagħ fil-lokalitajiet kollha, żewġ miżuri li kienu jiffurmaw parti mill-programm elettorali tal-Partit Laburista.
Buontempo saħaq li t-target ewlieni ta' dan il-gvern huwa dak li jkollna kunsilli lokali aktar effettivi u kunsilli lokali aktar viċin in-nies.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041