Left arrow Mur Lura

IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT JILTAQA’ MAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC QABEL IL-LAQGĦA TAL-KUNSILL EWROPEW

pr141400
Date Icon 20/06/2014

Il-Prim Ministru Dott. Joseph Muscat elenka n-nomina tal-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, il-ħolqien tax-xogħol, l-enerġija u l-immigrazzjoni bħala t-temi ewlenin tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se jattendi l-ġimgħa d-dieħla. Dan hekk kif dalgħodu l-Prim Ministru indirizza laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Gvern, tal-imsieħba soċjali, tas-soċjetà ċivili u tal-partiti politiċi.

Fl-introduzzjoni tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, li tippresiedi l-Core Group, semmiet kif din hija t-tielet laqgħa ta’ din it-tip mal-Prim Ministru, bil-għan li l-Gvern jisma’ l-veduti tal-membri fuq it-temi ewlenin li ser jiġu diskussi fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-26 u 27 ta’ Ġunju.

Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Muscat tkellem dwar il-prijoritajiet kurrenti tal-Gvern u kif dawn qegħdin jiġu indirizzati mal-mexxejja l-oħra tal-UE. Il-Prim Ministru enfasizza l-ħtieġa li l-UE tindirizza iktar fil-prattika l-politiki li jgħinu l-ħolqien tax-xogħol u li jkabbru l-ekonomija.

Huwa semma wkoll l-isfidi marbuta mal-qasam tal-enerġija sabiex bħala pajjiż nagħrfu kif u minn fejn nistgħu niddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija. Huwa semma l-laqgħa li ser issir Malta fil-11 u t-12 ta’ Lulju fejn il-Ministri tal-Enerġija tal-UE u dawk tal-pajjiżi tal-Mediterran ser ikunu qed jiddiskutu, fost affarijiet oħra, dwar kif l-UE tista’ tisfrutta sorsi ta’ enerġija mill-Afrika ta’ Fuq u l-bżonn ta’ investimenti infrastrutturali fil-konnessjonijiet fl-enerġija bejn Malta u pajjiżi oħra Ewropej.

Il-Prim Ministru tkellem fit-tul dwar il-problema tal-immigrazzjoni illegali. Huwa qal li għalkemm in-numru ta’ immigranti illegali li waslu Malta naqsu f’dawn l-aħħar xhur, ma jfissirx li l-problema naqset jew ġiet solvuta. Hu semma kif fl-UE hemm żewġ blokki ta’ pajjiżi li jaħsbuha b’mod dijametrikament opposti dwar kif din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-appoġġ ta’ Malta għan-nomina ta’ Jean-Claude Juncker bħala l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea peress li l-grupp politiku ta’ Juncker ġab l-akbar numru ta’ voti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tax-xahar li għadda.

Huwa qal li għal Malta, il-prijorità għandha tingħata lill-programm tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin. Tkellem ukoll dwar il-bżonn li jkun hemm bilanċ istituzzjonali fil-ħatriet li ser isiru fl-ogħla livelli tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-ġimgħat u xhur li ġejjin. Dott. Muscat ħabbar li  għada s-Sibt se jieħu sehem f’summit informali fi Franza fejn se tiġi diskussa n-nomina ta’ Juncker u d-direzzjoni li għandha tieħu l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.

Il-Prim Ministru temm l-intervent tiegħu billi rrefera għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi li ser jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tal-ġimgħa d-dieħla. F’dan il-kuntest, hu tenna l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li ma togħliex l-età tal-irtirar f’pajjiżna.

Fid-diskussjoni, issemmiet l-importanza ta’ laqgħat bħal dawn fejn il-Gvern ikollu ċ-ċans li jiddiskuti mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili dwar suġġetti attwali fl-Unjoni Ewropea.

Diversi membri qablu mal-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-importanza tal-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalità sabiex ikunu jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda, inkluż dawk relatati mal-enerġija (green jobs).

Punti oħra li tqajmu kienu jikkonċernaw l-importanza tal-kompetittività permezz ta’ mezzi innovattivi u ta’ kwalità; il-bżonn li nżommu mal-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ speċjalment fejn jidħlu l-impjiegi, is-servizzi finanzjarji u s-settur bankarju, l-enerġija rinnovabbli u t-tariffi tal-enerġija għall-industrija u enfasi ikbar fuq is-settur tat-turiżmu mill-UE.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow