Left arrow Mur Lura

L-INTERVENT TAL-MINISTRU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI MICHAEL FARRUGIA DWAR ID-DIMENSJONI SOĊJALI - LUSSEMBURGU 17 TA’ ĠUNJU 2014

pr141397
Date Icon 20/06/2014

Għalkemm l-Ewropa qed tkompli turi sinjali nkorraġġanti ta’ rkupru ekonomiku, l-effetti negattivi tal-kriżi fuq il-qasam soċjali jibqgħu ta’ urġenza u tħassib kbir għal kulħadd.  Madanakollu, wieħed ma jridx jinsa’ li l-Istati Membri qed joħorġu mill-kriżi ekonomika bi sfidi baġitarji u fiskali differenti, u għalhekk, importanti li tali diverġenzi huma rikonoxxuti meta jiġu diskussi x’miżuri xierqa jridu jittieħdu biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali tal-Istati Membri, kif ukoll fil-valutazzjoni mill-Kummissjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali bħala parti mis-Semestru Ewropew. 

Matul l-aħħar sena, l-ekonomija Maltija kompliet turi r-rieda  meta mqabbla ma’ dik ta’ numru ta’ ekonomiji fiż-zona Ewro.  Fil-kontribut tiegħu lejn il-mira ewlenija fuq l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis  tal-faqar għall-Istrateġija Ewropea 2020, il-Gvern Malti qed isostni numru ta’ programmi, kif ukoll qed jieħu numru ta’ inizjattivi, li fosthom wieħed irid ta’ bilfors isemmi l-impenn għar-riforma tas-sigurtà soċjali u t-tnedija tal-Green Paper għat- Tnaqqis tal-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali, li ġiet imnedija fi Frar ta’ din is-sena. Il-Green Paper tipprovdi analiżi tas-sitwazzjoni attwali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, u tippreżenta numru ta’ reazzjonijiet ta' politika ekonomika u soċjali sabiex jiġu indirizzati sfidi soċjo-ekonomiċi, kemm dawk attwali kif ukoll oħrajn li jista’ jkollna.

Infatti, Malta għandha xibka ta’ protezzjoni soċjali estensiva u stabbilita’ li hija mfassla biex trażżan il-faqar u l-inugwaljanza soċjali billi tippermetti l-individwi biex mhux biss ilaħħqu mal-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, imma wkoll  biex jgħixu ħajja diċenti permezz tal-provvista fost oħrajn ta' dħul adegwat. 

Sabiex jitrażżan b'mod effettiv il-qgħad u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, hu fundamentali li t-tlett elementi tal-inklużjoni attiva, li huma: appoġġ adegwat għad-dħul; aċċess għal servizzi ta’ kwalità; u l-inklużjoni attiva nfisha; jiġu indirizzati b'mod komplementari. Tabilħaqq, mingħajr appoġġ attiv għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, hemm il-periklu li l-iskemi tad-dħul minimu jwasslu biex persuni jsiru dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali fit-tul, b’tali konsegwnza li jitilfu kull ħeġġa għax-xogħol  (disempowerment), filwaqt li ssir aktar pressjoni fuq is-sistema ta' protezzjoni soċjali. 

Waħda mill-isfidi kbar li Malta filfatt qed tiffaċċja hija dik li ssaħħaħ l-inċentiv għax-xogħol fid-dawl tal-periklu tad-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. Dan għaliex l-irtirar ta' benefiċċji soċjali marbuta mal-mezzi, li jiġi mad-dħul fid-dinja tax-xogħol b'paga baxxa, ma jirriżultax f'żieda sinjifikanti fid-dħul totali ta’ dak li jkun. Il-Gvern Malti għalhekk qiegħed attwalment jimplimenta l-aġenda tiegħu ta’ 'xogħol li jirrendi' permezz ta'  numru ta’ miżuri li li jinkludu fost l-oħrajn childcare bla ħlas, inċentivi fiskali relatati mat-teħid ta' xogħol, kif ukoll it-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji soċjali għal dawk il-persuni li jidħlu fid-dinja tax-xogħol  wara tul taż-żmien jibbenifikaw minn għajnuna soċjali. Din il-miżura mhux biss tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-forza tax-xogħol (workforce) f'Malta, iżda wkoll tgħin ħalli titnaqqas l-esklużjoni soċjali u l-livelli ta' faqar fil-pajjiż.       

Filwaqt li l-impjieg stabbli huwa l-aħjar u l-aktar għażla mixtieqa fit-tul għas-salvagwardja tal-benessere socjali tan-nies, huwa essenzjali li s-solidarjetà, permezz tad-dħul minimu adegwat, jibqa’ priorita’ ħalli jkun żgurat ukoll il-benessere tal-persuni li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jidħlu fis-suq tax-xogħol. 

Filfatt, filwaqt li huwa inkoraġġanti li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri fiz-żona Ewro għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dħul minimu, id-dritt għal u l-livell ta’ ħlas, ivarja minn pajjiż għall-iehor sabiex jirrifletti is-sitwazzjonijiet soċjo-ekonomiċi differenti kif ukoll l-għażliet ta’ politika differenti. Malta għalhekk tqis importanti li d-diskussjoni fuq dan is-suġġett tirrispetta l-eteroġenita’ li teżisti bejn l-Istati Membri u għalhekk għandna nidderieġu ’l bogħod minn standards superfluwi introdotti fil-level tal-Unjoni Ewropea.

L-istess japplika għad-diskussjoni li għandha tibda fi ħdan il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fuq bagits ta’ referenza (reference budgets). Malta tħoss li f’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ ħafna kawtela fid-definizzjoni ta’ metodoloġija komuni u standards adegwati komuni f’livell tal-Unjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow