L-INTERVENT TAL-MINISTRU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI MICHAEL FARRUGIA DWAR ID-DIMENSJONI SOĊJALI - LUSSEMBURGU 17 TA’ ĠUNJU 2014
Għalkemm l-Ewropa qed tkompli turi sinjali nkorraġġanti ta’ rkupru ekonomiku, l-effetti negattivi tal-kriżi fuq il-qasam soċjali jibqgħu ta’ urġenza u tħassib kbir għal kulħadd. Madanakollu, wieħed ma jridx jinsa’ li l-Istati Membri qed joħorġu mill-kriżi ekonomika bi sfidi baġitarji u fiskali differenti, u għalhekk, importanti li tali diverġenzi huma rikonoxxuti meta jiġu diskussi x’miżuri xierqa jridu jittieħdu biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali tal-Istati Membri, kif ukoll fil-valutazzjoni mill-Kummissjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali bħala parti mis-Semestru Ewropew.
Matul l-aħħar sena, l-ekonomija Maltija kompliet turi r-rieda meta mqabbla ma’ dik ta’ numru ta’ ekonomiji fiż-zona Ewro. Fil-kontribut tiegħu lejn il-mira ewlenija fuq l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar għall-Istrateġija Ewropea 2020, il-Gvern Malti qed isostni numru ta’ programmi, kif ukoll qed jieħu numru ta’ inizjattivi, li fosthom wieħed irid ta’ bilfors isemmi l-impenn għar-riforma tas-sigurtà soċjali u t-tnedija tal-Green Paper għat- Tnaqqis tal-Faqar u għall-Inklużjoni Soċjali, li ġiet imnedija fi Frar ta’ din is-sena. Il-Green Paper tipprovdi analiżi tas-sitwazzjoni attwali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, u tippreżenta numru ta’ reazzjonijiet ta' politika ekonomika u soċjali sabiex jiġu indirizzati sfidi soċjo-ekonomiċi, kemm dawk attwali kif ukoll oħrajn li jista’ jkollna.
Infatti, Malta għandha xibka ta’ protezzjoni soċjali estensiva u stabbilita’ li hija mfassla biex trażżan il-faqar u l-inugwaljanza soċjali billi tippermetti l-individwi biex mhux biss ilaħħqu mal-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, imma wkoll biex jgħixu ħajja diċenti permezz tal-provvista fost oħrajn ta' dħul adegwat.
Sabiex jitrażżan b'mod effettiv il-qgħad u jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, hu fundamentali li t-tlett elementi tal-inklużjoni attiva, li huma: appoġġ adegwat għad-dħul; aċċess għal servizzi ta’ kwalità; u l-inklużjoni attiva nfisha; jiġu indirizzati b'mod komplementari. Tabilħaqq, mingħajr appoġġ attiv għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, hemm il-periklu li l-iskemi tad-dħul minimu jwasslu biex persuni jsiru dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali fit-tul, b’tali konsegwnza li jitilfu kull ħeġġa għax-xogħol (disempowerment), filwaqt li ssir aktar pressjoni fuq is-sistema ta' protezzjoni soċjali.
Waħda mill-isfidi kbar li Malta filfatt qed tiffaċċja hija dik li ssaħħaħ l-inċentiv għax-xogħol fid-dawl tal-periklu tad-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. Dan għaliex l-irtirar ta' benefiċċji soċjali marbuta mal-mezzi, li jiġi mad-dħul fid-dinja tax-xogħol b'paga baxxa, ma jirriżultax f'żieda sinjifikanti fid-dħul totali ta’ dak li jkun. Il-Gvern Malti għalhekk qiegħed attwalment jimplimenta l-aġenda tiegħu ta’ 'xogħol li jirrendi' permezz ta' numru ta’ miżuri li li jinkludu fost l-oħrajn childcare bla ħlas, inċentivi fiskali relatati mat-teħid ta' xogħol, kif ukoll it-tnaqqis gradwali tal-benefiċċji soċjali għal dawk il-persuni li jidħlu fid-dinja tax-xogħol wara tul taż-żmien jibbenifikaw minn għajnuna soċjali. Din il-miżura mhux biss tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-forza tax-xogħol (workforce) f'Malta, iżda wkoll tgħin ħalli titnaqqas l-esklużjoni soċjali u l-livelli ta' faqar fil-pajjiż.
Filwaqt li l-impjieg stabbli huwa l-aħjar u l-aktar għażla mixtieqa fit-tul għas-salvagwardja tal-benessere socjali tan-nies, huwa essenzjali li s-solidarjetà, permezz tad-dħul minimu adegwat, jibqa’ priorita’ ħalli jkun żgurat ukoll il-benessere tal-persuni li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Filfatt, filwaqt li huwa inkoraġġanti li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri fiz-żona Ewro għandhom dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dħul minimu, id-dritt għal u l-livell ta’ ħlas, ivarja minn pajjiż għall-iehor sabiex jirrifletti is-sitwazzjonijiet soċjo-ekonomiċi differenti kif ukoll l-għażliet ta’ politika differenti. Malta għalhekk tqis importanti li d-diskussjoni fuq dan is-suġġett tirrispetta l-eteroġenita’ li teżisti bejn l-Istati Membri u għalhekk għandna nidderieġu ’l bogħod minn standards superfluwi introdotti fil-level tal-Unjoni Ewropea.
L-istess japplika għad-diskussjoni li għandha tibda fi ħdan il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali fuq bagits ta’ referenza (reference budgets). Malta tħoss li f’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ ħafna kawtela fid-definizzjoni ta’ metodoloġija komuni u standards adegwati komuni f’livell tal-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041