ŻJARA FIL-PIXKERIJA L-ĠDIDA MIS-SEGRETARJI PARLAMENTARI RODERICK GALDES U IAN BORG
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u l-Fondi Ewropej, Ian Borg, żaru l-Pixkerija fil-Marsa biex jaraw ix-xogħlijiet li bħalissa għaddejin fuq dan il-post.
Roderick Galdes qal li l-pixkerija preżenti kienet inbniet fl-1911 u għalhekk, pajjiżna kellu bżonn ta’ waħda iktar moderna u attrezzata minħabba n-neċessitajiet tas-settur. Hekk kif spjegat minnu, il-pixkerija l-ġdida mistennija tkun konformi mal-istandards meħtieġa mill-Unjoni Ewropea u ser tiggarantixxi li l-ħut jinbigħ b’mod li jkun hemm titjib fil-kwalità tal-prodott.
Intqal ukoll li s-sit magħżul mill-amministrazzjoni preċedenti mhux wieħed ideali peress li ma jinstabx ħdejn il-baħar. Madankollu s-Segretarjat irnexxielu jikseb aċċess fil-port fejn il-ħut fi ftit minuti jkun tniżżel l-art u mwassal fil-pixkerija. Għaldaqstant, permezz tal-fondi Ewropej dan is-sit għall-ħatt tal-ħut ser jiġi attrezzat kif xieraq. Kien hemm ukoll problema li beda joħroġ id-drenaġġ mill-biċċerija u kellha wkoll tissolva dik il-problema. Dan sar billi sar iktar investiment fl-infrastruttura biex tilqa’ għal dak l-iskart.
Galdes qal ukoll li qed issir ħidma biex toħroġ espressjoni ta’ interess fir-rigward is-sular ta’ fuq sabiex jiġi identifikat operatur li jiżviluppa u jħaddem l-impjant ta’ pproċessar tal-ħut. Sostna li dan l-iżvilupp għandu jgħin lis-settur tas-sajd u tal-akwakultura billi jiddiversifika l-prodott u jagħmel dawn is-setturi kompetittivi.
Is-Segretarjat, qal Galdes, għandu diversi pjani biex permezz tal-fondi allokati mill-Unjoni Ewropea tiġi żviluppata l-infrastruttura użata mis-sajjieda fil-portijiet, fosthom dak li jiġi msaħħaħ l-ilquħ fil-portijiet tax-Xemxija.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg qal li wara xhur ta’ negozjati min-nies tekniċi f’isem il-Gvern Malti f’Brussell, Malta rnexxielha takkwista waħda mill-ikbar żidiet fil-Fond Marittimu u Sajd 2014-2020. Fil-fatt l-allokazzjoni għal Malta sejra tkun ta’ madwar €22 miljun, b’żieda ta’ €8 miljuni fuq il-pakkett li kien innegozjat u mħabbar fi Frar 2013.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li din l-aħbar pożittiva għas-settur tas-sajd Malti tfisser li fis-snin li ġejjin il-Gvern ħa jkun f’pożizzjoni aħjar sabiex ikompli jassigura li s-settur tas-sajd u l-akwakultura jkomplu jkunu sostenibbli.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041