STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes illum ipparteċipa fit-3322 laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura fil-Lussemburgu. L-aktar punt importanti u mistenni fuq l-Aġenda kien id-dibattitu dwar il-futur tas-settur tal-ħalib fl-Ewropa wara li tintemm is-sistema tal-kwoti f’April 2015. Ir-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni jagħraf li s-settur tal-ħalib huwa wieħed importanti fl-Ewropa minħabba l-kontribut tiegħu lejn is-settur agrikolu, id-dħul tar-raħħala tal-Unjoni Ewropeja kif ukoll il-prodotti li jgawdu minnhom il-konsumaturi madwar id-dinja. Madanakollu d-dibattitu kien imqanqal ferm b’numru ta’ pajjiżi membri li ma bdewx jappoġġjaw lill-Presidenza Griega li saħqet fuq l-importanza li l-Kummisjoni teżamina x’possibilitajiet jista’ jkun hemm sabiex ikun hemm l-aħjar rispons f’sitwazzjonijiet eventwali ta’ kriżi. .
Is-Segretarju Parlamentari Galdes fl-intervent tiegħu saħaq li diskussjoni li seħħet turi biċ-ċar li bħalma ilu għal snin twal, il-miżuri f’dan il-qasam jibqgħu suġġett ferm diffiċli biex jintlaħaq ftehim komuni li jikkuntenta lil kull delegazzjoni. Fl-opinjoni ta’ Malta però huwa importanti li jintlaħaq ftehim politiku dwar l-abbozz ta’ konklużjoniet li ħejjiet il-Presidenza wara diskussjonijiet mal-pajjiżi membri, inkluż Malta. Dan jinkludi prinċipji kruċjali għal pajjiżna bħalma hu dak li l-interventi jsiru mhux biss fuq livell Ewropew iżda wkoll fir-reġjuni l-iżjed żvantaġġati u fejn hemm spejjeż ta’ produzzjoni għoljin, bħalma hi Malta.
Fl-opinjoni ta’ Malta jekk ikompli jinitlef iż-żmien f’diskussjonijiet politiċi li ilhom is-snin għaddejin bla qbil, nissugraw li nikkompromettu l-abilità tal-operaturi li jippjanaw u jagħmlu l-investimenti. Roderick Galdes tenna l-appell ta’ Malta li temmen li huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Kunsill iwieġbu għas-sejħa tas-settur tal-ħalib sabiex jintlaħaq ftehim dwar prinċipji li joffru strumenti effettivi fl-inħawi l-iżjed fil-bżonn tal-Unjoni Ewropeja f’ każ ta’ kriżi fil-futur.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni fejn ġiet kondiviża informazzjoni importanti li għandha twassal għal implimentazzjoni aktar effettiva tal-PAK. Fl-intervent tiegħu Roderick Galdes stqarr li l-iskema tal-bdiewa żgħar mistennija tkun popolari ħafna mal-bdiewa Maltin minħabba ċ-ċokon tal-intrapriżi agrikoli f’Malta. Huwa qal ukoll li Malta ser tkun qegħda tagħmel użu ta’ l-appoġġ akkoppjat sabiex jintlaħaq inċentiv biex jinżammu l-livelli attwali ta' produzzjoni. Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza li bdiewa żgħażagħ ser jiġu mgħejuna sabiex jieħdu l-biedja bħala l-attività prinċipali tagħhom. Għal dan il-għan għalhekk, ġie deċiż li Malta issaħħaħ l-għajnuna disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ b’ miżuri addizzjonali taħt it-tieni pilastru.
Matul dan il-Kunsill, is-Segretarju Parlamentari Galdes, flimkien mal-Ministri ta’ l-Agrikoltura ta’ l-Istati Membri, iparteċipa f’ laqgħa informali mas-Segretarju ta' l-Agrikoltura ta’ Istati Uniti, Tom Vilsack fejn iddiskutew in-negozjati li qedgħin isiru bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Istati Uniti biex ittejbu l-kummerċ u jistimulaw it-tkabbir ekonomiku fiż-żewġ reġjuni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041