L-ISTAMPAR: MINN INDUSTRIJA LI TNIĠĠES GĦAL TEKNOLOĠIJA NADIFA - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Fi tmiem żjara fil-kumpanija tal-istampar diġitali u signage - Impressions Ltd., fiż-żona industrijali tal-Marsa, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, qal li l-avvanzi li għamlet din il-kumpanija mhux biss juru kif l-istampar kapaċi jinbidel minn industrija li tniġġes għal waħda bbażata fuq it-teknoloġija nadifa, iżda wkoll kif l-innovazzjoni taf tintuża biex tħares u ssaħħaħ l-ambjent.
Il-Ministru Brincat qal li kemm ilha li twaqqfet din il-kumpanija, tnax il-sena ilu, mhux biss biddlet id-dinamika tas-settur Malti tal-istampar billi daħħlet f'pajjiżna l-ewwel Offset Press diġitali, iżda ressqet ukoll b'ħidmietha s-settur innifsu lejn stampar ferm aktar eco friendly.
Il-Ministru tenna li l-fatt li l-kumpanija kapaċi tistampa anki ammonti żgħar ta' prodotti bbażati fuq il-kunċett ta' Print only what you need, when you need it...even just one,huwa pass prattiku lejn trażżin ta' stampar żejjed u bla ħtieġa.
Min-naħa tiegħu l-Managing Director tal-kumpanija s-Sur Ron Mifsud fisser kif apparti li dan il-proċess naqqas il-ħela tal-materjal stampat, iffrankat l-użu tal-karta u anka żgurat li permezz tal-proċessi ġodda l-linka tiġi riċiklata u anki użata mill-ġdid elettronikament, u dan filwaqt li tinżamm kwalità għolja tal-prodott aħħari flimkien ma’ konsistenza fil-kuluri użati.
Il-Ministru Brincat laqa’ pożittivament il-pass riċenti li permezz tiegħu l-kumpanija investiet fl-aktar tip modern ta’ Large And Grand Format Printing Technology - proċess rivoluzzjonarju li ma jużax solvents li jistgħu jkunu ta' ħsara għal saħħet l-impjegati jew l-ambjent innifsu.
Matul iż-żjara tiegħu huwa ġie infurmat kif il-kumpanija qed tuża linka latex speċjalizzata sabiex tistampa banners, billboards, wallpapers u tessuti b'mod ambjentalment nadif.
Il-Ministru Brincat feraħ lill-kumpanija wkoll talli dejjem kellha politika ċara u konsistenti dwar is-separazzjoni tal-iskart sa mit-twaqqif tagħha.
Il-Ministru Brincat temm billi qal li dan huwa eżempju ħaj ta' kif l-industrija u l-ambjent jistgħu jaħdmu flimkien għall-ġid taż-żewġ naħat.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041