IL-MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI JINDIRIZZA S-SEMINAR ‘MUŻA -PROJECT AND VISION’
Waqt is-seminar ‘Muża -Project and Vision’ Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici stqarr li l-gvern jagħraf li l-espressjoni artistika u kulturali huma importanti għall-iżvilupp nazzjonali u li din tiġġenera benefiċċji wiesgħa li joħolqu l-ġid f’aspetti diversi.
L-arti u l-kultura għandhom jingħataw is-sostenn u l-għożża meħtieġa għaliex huma investiment dirett fiċ-ċittadini u s-soċjetà Maltija.
Dr Bonnici stqarr li l-Gvern huwa impenjat li jikrea proġetti bħal MUŻA, l-ICAS, Sant’Iermu, Sant’Anġlu, Katakombi ta’ San Pawl, il-Ġgantija, u t-tempji ta’ Ħal Tarxien fost l-oħrajn. B’dan il-mod ser ikun qed ipoġġi investiment dirett kif ukoll anke permezz ta’ fondi Ewropej fuq proġetti ta’ livell Nazzjonali.
“Aħna nemmnu li l-ħidma m’għandhiex biss issir fuq livell nazzjonali iżda anke b’mod li tolqot direttament liċ-ċittadin. Għalhekk permezz ta proġetti bħal Muża ser tinħoloq pjattaforma fejn udjenzi differenti jistgħu jesponu ruħhom għall-arti u l-kultura b’narrattiva differenti” stqarr Dr Bonnici.
Huwa spjega li m’għadux iż-żmien li nħarsu lejn l-mużewijiet bħala attrazzjoni turistika biss imma rridu nibdew nitkellmu mal-udjenzi interni b’lingwaġġ li jinftiehem, u dan jirrikjedi li f’dinja li dejjem qiegħda tevolvi nużaw mezzi ta’ komunikazzjoni adekwati.
Dr Bonnici żied jgħid li Dan il-proġett filfatt huwa parti mill-impenn tal-gvern sabiex jiżviluppa mużew b’kunċett ġdid maħluq apposta għal Pajjiżna, bil-għan li mmorru lil hinn mill-kunċett li l-mużewijiet jintużaw bħala maħżen ta’ oġġetti storiċi u artistiċi iżda ndaħħlu aktar il-mentalità li l-mużewijiet ikunu aktar ħajjin u interattivi u li joffru esperjenza għal min iżurhom.
Barra min hekk il-Ministru Owen Bonnici stqarr li Muża ser tkun parti minn katina li tgħaqqad flimkien entitajiet oħra fil-viċinanzi fosthom iċ-Ċentru ta’ Kreattività ta’ San Ġakbu, Pjazza Teatru Rjal, il-Knisja tal-Vittorja u Pjazza La Valette.
Il-gvern għandu l-impenn ukoll li jsaħħaħ l-ekonomija kreattiva fejn artist jista’ jaqla’ x’jiekol mix-xogħol artistiku. MUŻA u proġetti oħra bħalma huma l-Culture Hub ser jinħolqu inizjattivi fejn l-artisti lokali ikunu jistgħu jirriċerkaw, jikkrejaw u jesponu x-xogħolijiet tagħhom.
Il-Ministru għalaq billi qal li l-Gvern huwa kommess li jqarreb aktar l-arti u l-kultura viċin taċ-ċittadin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041