Left arrow Go Back

TNEDIJA TAL-ISTRATEĠIJA TAL-LITTERIŻMU NAZZJONALI

PR141354mt
Date Icon 14/06/2014

Numru ta' inizjattivi favur il-qari u l-litteriżmu tnedew dalgħodu matul konferenza stampa ġewwa tas-Sliema fejn ġiet varata l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżu għal Kulħadd mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo. 

Matul il-konferenza stampa il-Ministru Evarist Bartolo, saħaq fuq l-importanza li wieħed ikollu l-kompetenzi u l-ħiliet biex jgħix ħajja mimlija. Hu qal li l-istrateġija tippromwovi l-kunċett tal-bilingwiżmu u tisħaq fuq iżjed ħin għal qari fil-klassijiet.

Fit-tnedija ħadu sehem l-għalliema tad-drama tad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, u l-karattri tal-Kampanja Nazzjonali favur il-Litteriżmu, fi kliem ieħor, in-nannu Ġużi, in-nanna Anna, Roberta u Kevin, Luke, Jan, Alexia u l-kelb Ċiko. L-Ambaxxaturi tal-Qari, personalitajiet lokali li ġew appuntati biex jippromwovu l-qari fost it-tfal, ħadu sehem f'numru ta' sessjonijiet tal-qari fejn tqassmu wkoll numru ta' kotba.

L-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex (2014-2019)

Il-Ministeru qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jiżgura li kull individwu f’Malta u Għawdex jingħatawlu l-aqwa opportunitajiet ta’ tagħlim u b’hekk jikseb il-ħiliet meħtieġa tal-litteriżmu. Din il-mira se tintlaħaq permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd u Kampanja Nazzjonali favur il-Litteriżmu fost is-setturi kollha tas-soċjetà.  L-Istrateġija se titwettaq fid-dawl tar-riżultati reċenti miksuba minn Malta fil-Progress in International Reading Literacy Study (PIRLS) u fil-Programme for International Student Assessment (PISA) fejn 36% tal-istudenti Maltin ta’ 15‑il sena ġabu riżultat ħżiena fil-qari. Dan il-persentaġġ hu ferm ogħla mill-medja tal-istudenti kollha tal-Unjoni Ewropea, li kienet 19%. Il-proċess ta’ konsultazzjoni li wassal għat-tfassil ta’ din l-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu ħa sena sħiħa u taw sehemhom fih għadd kbir ta’ edukaturi, tmien gruppi ta’ ħidma konsultattivi u l-pubbliku ġenerali.

L-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd titkellem kemm fuq l-edukazzjoni tul il-ħajja kif ukoll fuq l-edukazzjoni fil-firxa wiesgħa tagħha. Fiha hemm miżuri għall-Ewwel Snin, is-Snin Bikrin, il-Primarja, is-Sekondarja, iż-Żgħażagħ, l-Adulti, il-persuni li jkollhom Diżabiltajiet u Diffikultajiet biex jitgħallmu, l-individwi minn Pajjiżi Terzi u l-Litteriżmu Diġitali. B’mod partikolari l-Istrateġija tiffoka fuq l-Ewwel Snin u s-Snin Bikrin, u s-sehem kbir li għandhom il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal fl-iżvilupp tal-litteriżmu.

Il-punti ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu għal Kulħadd f’Malta u Għawdex huma li:

·         Il-Litteriżmu huwa element importanti għall-kisba tal-inklużjoni soċjali u għaldaqstant jekk il-komunità tkun litterata tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva.

·         Jkollna politika bilingwi u bilitteriżmu fil-Malti u l-Ingliż u li jkunu kkonsolidati u integrati l-inizjattivi u l-programmi eżistenti fil-qasam tal-litteriżmu biex ikunu aktar effettivi u jagħtu aktar frott.

·         Jixtered il-metodu ta’ tagħlim magħruf bħala l-Litteriżmu Bilanċjat fejn l-aspetti tekniċi tal-qari u l-kitba jiġu mgħallma f’kuntest li l-istudenti jagħmlu sens mit-testi li jkunu qegħdin jaqraw u/jew jiktbu, u titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-ħiliet tat-taħdit, il-fehim, il-qari u l-kitba.

·         Fost il-metodi ta’ tagħlim ta’ lingwa jitħaddmu l-Immersjoni fil-Lingwa, it-Tagħlim Integrat tal-Kontenut u l-Lingwa (CLIL) u s-sistema Tandem.

·         Jiżdied kull xorta ta’ qari, ngħidu aħna, b’inizjattivi bħall-programmi Aqra Miegħi/Read with Me maħsub għat-tfal minn 0 sa 3 snin u l-ġenituri tagħhom, l-Ambaxxaturi tal-Qari, personaġġi popolari li qegħdin irawmu kultura ta’ qari fost it-tfal u l-istudenti u l-Promoturi tal-Qari u s-Sħab fil-Qari li jħeġġu lil tfal u żgħażagħ bħalhom jaqraw.

·         Tisħaq li għandu jkun hemm opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali tal-edukaturi kollha huma f’liema livell huma fit-tagħlim tal-litteriżmu.

·         Tħeġġeġ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fit-tagħlim tal-litteriżmu.

·         Tippromwovi aktar studji ta’ riċerka biex ikollna stampa ċara tal-prattiki tal-litteriżmu f’pajjiżna.

·         Xxerred kuxjenza favur il-litteriżmu permezz ta’ inizjattivi nazzjonali, il-midja u miżuri li jaffavorixxu l-familja.

Kopja tad-dokument jista' jitniżżel mill-website www.education.gov.mt/literacy

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow