GĦAWDEX FL-UNJONI EWROPEA
Djalogu Pubbliku mill-MEUSAC fl-10 Anniversarju tas-Sħubija fl-UE
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-realtà ekonomika u soċjali ta’ Għawdex kien fiċ-ċentru tal- ewwel minn serje ta’ sitt Djalogi Pubbliċi li l-MEUSAC qed jorganizza biex jitfakkar l-10 anniversarju tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE) u biex jiġi evalwat il-progress ta’ Malta fil-kuntest tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. F’dan id-Djalogu Pubbliku bit-tema ‘Għawdex fl-Unjoni Ewropea’, il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE u l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017, Ian Borg, u l-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb, itrattaw numru ta’ suġġetti li jolqtu lil Għawdex fl-UE fil-kuntest tal-benefiċċji, l-opportunitajiet, l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Gvern għal Għawdex.
Fil-bidu tal-attività, il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb spjega kif il-MEUSAC qed jgħin lis-soċjetà ċivili, lill-kunsilli lokali u lis-settur privat f’Għawdex biex jibbenefikaw mis-sħubija tal-UE b’mod partikolari billi jwassal tagħrif agġornat dwar dak li jkun għaddej fl-UE, iwettaq proċess ta’ konsultazzjoni u joffri assistenza dwar fondi tal-UE. Huwa ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jerġa’ jinfetaħ uffiċċju tal-MEUSAC f’Għawdex biex tissaħħaħ il-preżenza tal-MEUSAC f’din il-gżira.
Il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, ta’ ħarsa lejn l-impatt ekonomiku, soċjali u politiku fuq Għawdex wara għaxar snin ta’ sħubija fl-UE. Hu tkellem dwar kif l-insularità doppja li Għawdex għandu vis-a-vis Malta, l-istatus ta’ reġjonalità tal-gżira, l-istat ġeografiku u l-aċċessibiltà huma kollha problemi li l-gżira Għawdxija tħabbat wiċċha magħhom. Il-problema tax-xogħol kif ukoll l-investiment barrani dirett f’Għawdex huma punti oħrajn li semma’ l-Ministru. Refalo rrimarka li skont stħarriġ mill-NSO (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika), ir-rata tat-tkabbir ekonomiku t’Għawdex hija iċken minn dik ta’ Malta u d-differenza bejn iż-żewġ gżejjer saħansitra kibret tul dawn l-aħħar snin.
Fuq nota pożittiva, tenna Anton Refalo, Għawdex ibbenefika bis-sħiħ. B’ħidma kontinwa tul din l-aħħar sena flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE u l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017, Ian Borg, ġiet imfassla strateġija għaż-żmien li ġej. Dan sar b’konsultazzjoni ma’ stakeholders varji biex jiġu assigurati li l-perjodu ta’ finanzjament preżenti (2014-2020) jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies u jsir l-aħjar użu tal-fondi Ewropej. Filwaqt li jgħin fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku, kompli tejjeb ukoll il-kompetittività ta’ pajjiżna.
F’dan l-isfond, il-Ministru Refalo rrimarka kif għal li ġej għandna nkomplu ninvestu fil-kapital uman jiġifieri investiment fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-aspetti kulturali varji. Hu meħtieġ ukoll investiment fl-infrastruttura jiġifieri fis-settur tat-trasport, ċentri tan-negozju, broaband cable ieħor. Irridu nassiguraw ukoll li jkun hawn żvilupp sostenibbli, tenna Anton Refalo.
Il-Ministru għal Għawdex, għalaq l-intervent tiegħu billi qal li rridu inħarsu ’l quddiem biex Għawdex igawdi u jipparteċipa bi sħiħ fil-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017 u li nilħqu l-miri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borġ qal kif għar-rigward tal-programm finanzjarju 2014-2020, din l-amministrazzjoni sejra tassigura li l-10% tal-Fondi Strutturali 2014-2020 għal Għawdex ikunu investiti b’mod orizzontali fuq kull prijorità identifikata għas-seba’ snin li ġejjin. Borġ ħabbar kif wara ħafna negozjati, fl-aħħar xhur il-gvern assigura li l-allokazzjoni għall-Fond tas-Sajd 2014-2020 sejra tiżdied b’50% meta komparat mal-programm finanzjarju preċedenti – benefiċċju għas-sajjieda Għawdxin ukoll. Fil-fatt f’dawn l-aħħar xhur il-gvern allokka fondi mill-Fond tas-Sajd 2007-2013 biex iġedded l-infrastruttura ġewwa l-port ta’ Marsalforn.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni Antoine Borg li kien preżenti għal dan id-djalogu tkellem dwar il-benefiċċji tal-ewwel 10 snin tas-sħubija ta’ Malta fl-UE u l-bżonn li l-fondi allokati għal Għawdex ikunu mqassmin f’setturi speċifiċi. Qal ukoll li l-Oppożizzjoni dejjem lesta tikkolabora mal-Gvern għall-aħjar tas-soċjetà.
Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet u membri mill-pubbliku li attendew għal din l-attività kellhom l-opportunità li jressqu l-fehmiet tagħhom lill-kelliema fosthom dwar ir-reġjonalità tal-gzira Għawdxija, il-pakkett ta’ fondi tal-UE għal Għawdex għall-perjodu 2014-2020 , l-involviment dirett tal-għaqdiet f’Għawdex fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-importanza li l-istatistika dwar Għawdex tirrefletti r-rejaltà tas-sitwazzjoni f’Għawdex b’mod speċjali fil-qasam turistiku, u l-bżonn ta’ ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex.
Dawn id-Djalogi Pubbliċi huma finanzjat mill-UE taħt il-Management Partnership bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041