MALTA TAPPOĠĠJA D-DIREZZJONI STRATEĠIKA ĠDIDA PROPOSTA MILL-UNJONI EWROPEA DWAR IT-TNAQQIS TAL-EMISSJONIJIET FL-ARJA – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Meta kien qed jieħu sehem fl-aħħar Kunsill Ministerjali Ewropew tal-Ambjent taħt il-Presidenza Griega li nżammet illum fil-Lussemburgu, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, iddikjara l-appoġġ ta' Malta għad-direzzjoni strateġika ġdida proposta mill-Unjoni Ewropea dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja, għaliex il-Gvern Malti jemmen li mill-aspett tas-saħħa ambjentali din tista’ twassal għal titjieb fil-kwalità tal-arja ta’ pajjiżna.
Filwaqt li Malta tinsab ħerqana li jsiru aktar diskussjonijiet tekniċi dwar miri li jeħtieġ li jiġu ċċarati, ser tkun qed taħdem b’mod kostruttiv għall-ftehim dwar miri ambizzjużi, proporzjonali u li jistgħu jinkisbu.
Il-Ministru saħaq li kull azzjoni dwar emissjonijiet fis-settur marittimu għandha tittieħed fuq livell globali, għaliex dan is-settur huwa regolat fuq livell internazzjonali u mhux biss f'kuntest Ewropew.
Dwar il-qafas propost mill-Unjoni Ewropea dwar it-Tibdil tal-Klima u l-Enerġija, il-Ministru Brincat qal li apparti l-fatt li sas-sena 2020 pajjiżna ser ikollu d-domanda tiegħu tal-elettriku ġejja minn generators tal-aktar livell għoli ta' effiċjenza, il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gas naturali ser twassal biex tbaxxi l-emissjonijiet serra skont kull unit ta' enerġija li nipproduċu.
Il-Ministru Brincat tenna li bħala gżira żgħira b' ‘economies of scale' limitati, pajjiżna għandu jara li l-investimenti meħtieġa f'dawn is-setturi jsiru permezz ta' mekkaniżmi ta' ko-finanzjament minn programmi u fondi Ewropej li huma essenzjali biex jinkiseb dan l-għan.
Il-Ministru Brincat qal li filwaqt li Malta dejjem addottat kawtela dwar l-użu tal-GMOs, li jirrifletti t-tħassib tal-pubbliku fir-rigward ta’ riskji marbutin magħhom dwar is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, inħossu li t-test attwali tal-Presidenza qed jiġi żviluppat fid-direzzjoni t-tajba u qed joffri bilanċ xieraq meta tikkunsidra li l-Istati Membri ser ikollhom il-possibiltà biex jaħdmu permezz ta’ proċess b’saħħtu u riġidu biex jawtorizza l-kultivazzjoni tagħhom.
Il-Ministru Brincat qal li pajjiżna jinsab ħerqan għall-aktar żviluppi fid-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew sabiex, kif qed nittamaw, jiriżultaw f’aktar irfinar tat-test legali.
F'working session magħluqa għall-Ministri biss dwar “Ħajja Diċenti għal Kulħadd: Mill-Viżjoni Għall-Azzjoni Kollettiva”, il-Ministru Brincat tenna li biex tippjana bis-serjetà għal wara s-sena 2015, l-Unjoni Ewropea ma tistax taħdem b'mod iżolat fuq livell ta' Gvernijiet biss, iżda trid taħdem ukoll permezz ta' 'outreach' effettiv ma’ pajjiżi sħab oħrajn, speċjalment dawk li għadhom qed jiżviluppaw, kif ukoll mal-istakeholders ewlenin u ċ-ċittadini li jiffurmaw is-soċjetà ċivili. Huwa qal li fost l-aktar oqsma ta’ prijorità hemm il-ġlieda kontra l-faqar, in-nuqqas ta' ugwaljanza, s-sigurtà tal-ikel, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn is-sessi (gender equality), provvisti xierqa tal-ilma, enerġija sostenibbli, xogħol diċenti għal kulħadd, kif ukoll tkabbir inklużiv u sostenibbli.
LE GĦALL-ABORT
Il-Ministru Brincat tenna li għalkemm biex jirnexxi l-proċess aħħari dwar is-Sustainable Development Goals hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tibqa’ magħquda, jidher li l-Unjoni Ewropea fid-drafting tal-kommunikazzjoni, ma tatx kunsiderazzjoni xierqa lis-sensitivitajiet ta’ Stati Membri bħal Malta dwar l-abort fejn jidħlu (SRHRs) Sexual and Reproduction Health & Rights. Din l-attitudni sejra biss ixxekel il-kisba tal-għaqda bejn l-Istati Membri.
Il-Ministru Brincat qal li din il-kommunikazzjoni jmissha saret wara li ntemm ix-xogħol tal-Open Working Group.
Il-Ministru Brincat ltaqa’ ma’ għadd ta' Ministri Ewropej tal-Ambjent, fosthom mal-Ministru Franċiza Ségolène Royal, li hija l-Ministru għall-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u Enerġija, kif ukoll mal-Ministru Taljan Gian Luca Galletti, li fi tmiem il-laqgħa ppreżenta l-programm ta' ħidma tal-Presidenza Taljana tal-Unjoni Ewropea li tiġi fis-seħħ ix-xahar id-dieħel. Għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri attendew ukoll tlett Kummissarji Ewropej, Connie Hedegaard tal-Klima, Janez Potočnik tal-Ambjent u Tonio Borg tas-Saħħa.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041