WARD ĠDIDA FL-ISPTAR MONTE CARMELI GĦAL PAZJENTI NISA DIPENDENTI FUQ ID-DROGA
“Dan il-gvern huwa kommess li jkompli jiżviluppa s-servizz tal-kura mentali b’tali mod li jħares id-drittijiet tal-pazjent u joffri kura speċjalizzata għal kull qasam tal-mard mentali.” Qal dan is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-ftuħ tal-Female Dual Diagnosis Unit fl-Isptar Monte Carmeli. Għall-ewwel darba f’dan l-isptar se jkun hawn ward iffukata speċifikament għal pazjenti nisa li jbatu kemm mill-kundizzjoni tal-mard mentali kif ukoll mill-abbuż tad-droga bil-għan li jirrijabilitaw u jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem f’ħajjithom fil-komunità.
Fl-indirizz tiegħu Chris Fearne saħaq kif it-twaqqif ta’ din il-unit huwa pass importanti għall-isptar Monte Carmeli. Mr Fearne innota kif mil-lum f’dan l-isptar kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa li qegħdin taħt kura u għandhom il-problema tad-droga se jkunu qegħdin jieħdu t-trattamenti f’wards speċjalizzati apposta pprovduti minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti li flimkien ifasslu l-pjan ta’ kura li jindirizza l-bżonnijiet kliniċi, psikoloġiċi u soċjali tal-individwu.
L-ewwel għan tal-kura li tingħata fil-fażi akuta ta’ detoxification, huwa li l-pazjent jiġi stabbilit f’ambjent sigur ’il bogħod miċ-ċirkustanzi li ħafna drabi jwaqqgħu lill-vittma biex ikompli jabbuża mid-droga. Meta l-kundizzjoni mentali tal-pazjent titjieb, jinbeda program ta’ terapija li jħeġġeġ u jgħin il-pazjent biex jikkonsidra li jibda program ta’ rijabilitazzjoni. Permezz ta’ sezzjonijiet ta’ terapija u counseling, il-pazjent jerġa’ jibni l-fiduċja fih innifsu u jkun jista’ jerġa’ jikseb il-kontroll fuq ħajtu u jieħu deċiżjonijiet b’mod responsabbli.
Din is-sala se takkomoda sitt pazjenti nisa u se tkun mgħammra bil-kumditajiet neċessarji inkluż salott, kċina u ġnien li fihom is-sigurtà mistennija.
Chris Fearne rringrazzja lill-istaff u l-professjonisti kollha li jaħdmu b’tant dedikazzjoni fis-servizz tas-Saħħa Mentali li tant jirsisti u jagħti kuraġġ lill-pazjenti biex jibdew program ta’ rijabilitazzjoni biex jerġgħu jintergraw ruħhom fis-soċjetà.
Riċerka internazzjonali turi li madwar 50% tal-persuni li għandhom il-problema tad-droga jbatu wkoll minn mard mentali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041