IMPENN BIEX TISSAĦĦAĦ IL-KURA FIL-QASAM TAS-SAĦĦA MENTALI FIL-KOMUNITÀ
“Il-prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa mentali hija fundementali jekk irridu nibdew nagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni vulnerabbli”. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-ftuħ tal-konferenza “Business Solutions: Any Gains for Mental Health?” organizzata mill-Uffiċċju għas-Saħħa Mentali u l-Anzjani. Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa tkellem dwar l-importanza li tinżera’ kultura ta’ ħidma li tpoġġi fil-qalba tagħha s-sigurta’ tal-persuni u ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Il-ħidma għandha tkun iffukata biex inċidenti li huma marbutin mal-qasam tas-saħħa mentali bħas-suwiċidju, self-harm, vjolenza u mġieba aggressiva jiġu ndirizzati. B’hekk għandu jkun hemm servizz integrat u mmirat lejn il-ħtiġijiet ta’ kull pazjent bl-għan li kemm il-ħtiġijiet mediċi, soċjali, edukattivi u kulturali jiġu ndirizzati. Il-mira prinċipali għandha tkun li jinħoloq ambjent fejn il-ħiliet tal-persuni u kif din tista titjieb biex il-pazjent jilħaq l-ogħla livell ta’ kwalità ta’ ħajja possibli.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li t-titjib fir-relazzjonijiet bejn il-professjonisti jwassal biex kulħadd iħossu parti integrali mis-sistema tal-kura u l-fejqan, fejn anke l-qraba tal-pazjenti jħossu li l-vuċi tagħhom qed tinstema. “Jekk irridu nibnu kura fil-komunità li tkun b’saħħitha għandna bżonn is-sehem sħiħ tal-imsieħba fil-proċess tal-kura. Jekk dan ma jiġrix se nkomplu mexjin fit-triq li ma twassal għal imkien ħlief għal aktar istituzzjonalizzazzjoni u aktar esklużjoni soċjali” saħaq Mr Fearne.
Filwaqt li tkellem kif il-ħsieb huwa li fix-xhur u s-snin li ġejjin il-proċessi tal-kura tas-saħħa mentali jridu jirriflettu l-liġi l-ġdida tas-Saħħa Mentali, huwa faħħar il-kwalitajiet sbieħ professjonali tat-team tal-qasam għas-saħħa mentali. Huwa ħeġġiġhom biex ikunu minn tal-ewwel li jagħtu sehemhom biex tinġieb bidla fil-mentalita’ fejn tidhol il-kura tas-saħħa mentali.
Waqt il-konferenza 80 professjonist mill-qasam tal-kura tas-saħħa mentali f’Malta u Għawdex iddiskutew kif metodi differenti u prattiċi li kienu ta’ suċċess fl-industrija u n-negozju jistgħu jiġu adattati għall-qasam tal-kura tas-saħħa mentali. L-enfasi ngħatat fuq id-drittijiet tal-pazjent u fuq is-servizzi ta’ kura ta’ kwalità mmirati lejn il-ħtiġijiet tal-persua u offruti minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041