“L-AMBJENT JISSAĦĦAĦ PERMEZZ TA' TRASPORT SOSTENIBBLI” - IL-MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U T-TIBDIL FIL-KLIMA, LEO BRINCAT
Meta kien qed jitkellem mas-Sindku u l-Kunsilliera tan-Naxxar flimkien mad-diversi parteċipanti fl-attività organizzata mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar fl-okkażjoni ta' Jum l-Ambjent, il-Ministru Leo Brincat qal li l-ambjent jista’ biss jissaħħaħ permezz ta' trasport sostenibbli.
Il-fatt li pajjiżna jeħtieġ u sejjer ikollu pjan nazzjonali dwar it-trasport sostenibbli huwa ta' inkoraġġiment kbir.
Il-Ministru Brincat qal li t-trasport f'pajjiżna, fejn kulħadd juża l-karrozza anki għal distanzi qosra, jista’ jsir biss sostenibbli la jkollna trasport pubbliku li jsir dejjem aktar effiċjenti, effettiv u puntwali, kif ukoll li jħalli l-anqas impatt possibbli ambjentali.
Il-Ministru Brincat tenna li ħafna mit-trab fin iġġenerat f'irħula u bliet oħrajn, bħall-Imsida, jista’ jittaffa mill-qalba għall-gass li sejra ssir fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, iżda l-problema ewlenija li ċ-ċittadini ta' bliet bħal dawn qegħdin l-aktar jiffaċċaw hija kawża tal-problema tat-traffiku.
Għaldaqstant it-trasport f'pajjiżna jkun verament sar sostenibbli meta jkun indirizza problemi soċjali, ekonomiċi, ambjentali u anki loġistiċi fl-aktar mod effettiv possibbli.
Il-Ministru tenna li għad irid jiġi żmien meta mhux biss nibdew inħarsu lejn aktar effiċenza fl-użu tal-fuel u kontrolli aktar effettivi tal-emissjonijiet tal-karrozzi, iżda wkoll lejn dipendenza anqas fuq energija li hija fossil-based kif ukoll lejn użu ta' enerġija alternattiva fit-trasport.
F'pajjiżi oħrajn l-life-cycle sħiħa tas-sistemi tat-trasport hija suġġetta għall-kejl dwar kif is-sostenibbilità ta’ dan is-settur jista’ jiġi ottimizzat.
Fl-aħħar mill-aħħar l-aktar nies li jispiċċaw igawdu minn dan kollu huma l-komunitajiet infushom filwaqt li ħadd ma jitlef xejn mill-mobbilità tiegħu.
Il-Ministru Brincat qal li propju lbieraħ stess wasal lura minn laqgħa Ministerjali importanti ħafna dwar it-tibdil tal-klima ġewwa Bonn il-Ġermanja, fejn ħareġ ċar li għalkemm bħal f'pajjiżna l-ġenerazzjoni tal-enerġija twassal l-aktar għall-gassijiet serra fil-pajjiż, fil-fatt l-emissjonijiet serra f'dawn iż-żminijiet qegħdin jikbru f'għadd ta' pajjiżi b'rata ferm akbar fil-qasam tat-trasport milli f'dak tal-enerġija nnifisha. Apparti l-fatt li t-trasport fuq l-art huwa l-akbar kontributur għat-tniġġiż tal-arja.
Il-Ministru Brincat saħaq li sfida bħal din ma tistax tiġi indirizzata b'mod iżolat, iżda s-soluzzjoni tibqa’ waħda: il-ħtieġa ta' approach integrat u ħolistiku.
Il-Ministru Brincat qal li filwaqt li huwa tajjeb li jkun hemm charter favur sotenibbilità fit-trasport fin-Naxxar, importanti li ma’ dan iċ-charter il-Kunsill għandu jħejji wkoll studju indipendenti. Kemm-il -darba dawn jiġu ppreżentati lilu, jkun lest jgħaddihom lill-Gvern għall-kunsiderazzjoni xierqa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041