Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOREVOLI ANĠLU FARRUGIA, SPEAKER TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI FL-OKKAŻJONI TAS-SETTE GIUGNO - IL-ĠIMGĦA, 6 TA’ ĠUNJU 2014

pr141291mt
Date Icon 06/06/2014

Prim Ministru, Kap tal‑Oppożizzjoni, Presidenti Emeriti, Speakers Emeriti, Onorevoli Membri, Onorevoli Membri Anzjani, Eċċellenzi, mistiedna distinti.

Bħal kull sena niltaqgħu hawnhekk biex niċċelebraw il‑jum tas‑Sette Giugno, jum speċjali għalina lkoll li storikament baqa’ mnaqqax – u għandu jibqa’ hekk imnaqqax – fil‑memorja ta’ pajjiżna.   Jum li jfakkar meta fl‑1919 il‑poplu Malti u Għawdxi, mingħajr xkiel tal‑inqas vuċi waħda, wera għaqda nazzjonali u mexxa l‑ġlieda għad‑drittijiet tiegħu bħala nazzjon Malti.

Huwa dejjem interessanti li wieħed jidħol aktar fil‑fond f’dak li ġara f’dawk iż‑żminijiet.  F’dak il‑jum li nqalgħu l‑irvellijiet ġewwa l‑Belt Valletta, jidher li kien hemm grupp ta’ sostenituri tal‑politiku Manwel Dimech li mill‑bidu nett kien imexxi b’ċertu qawwa l‑ideal ta’ nazzjon indipendenti b’rajh f’idejh, u dan speċjalment biex setgħu jiġu megħjuna dawk li kienu mingħajr drittijiet, bla edukazzjoni u bla xogħol. 

F’dak iż‑żmien tal‑ġrajja tas‑Sette Giugno tal‑1919 Manwel Dimech kien diġà ġie eżiljat mill‑Ingliżi.  Huwa kien l‑uniku Malti eżiljat mill‑Ingliżi matul l‑ewwel gwerra dinjija u kien qiegħed jinżamm f’kamp ta’ konċentrament f’Sidi Bishr f’Lixandra, l‑Eġittu.  Hemmhekk huwa kien jitħalla jiffaċċja ċirkostanzi ebsin ħafna għal saħħtu, anke f’dak li kien jingħata bħala ikel.  Fil‑fatt saħħtu tant marret lura li f’Novembru tal‑1920 spiċċa pparalizzat wara li tatu puplesija u kellu jiġi trasferit għall‑Kulleġġ ta’ Victoria li kien jinsab ukoll f’Sidi Bishr f’Lixandra.

Fil‑frattemp kemm il‑Maltin f’Malta kif ukoll il‑Maltin li kienu jgħixu f’Lixandra, filwaqt li kienu qed iħossu t‑tbatijiet ta’ din il‑persuna kienu wkoll iħossu l‑problemi li kien għaddej minnhom pajjiżna.  Kienu qed jaraw lill‑Maltin jiġu umiljati, anke bil‑mod kif kienu qed jiġu ttrattati mill‑Ingliżi dak iż‑żmien.  Fil‑fatt, wara li seħħew l‑irvellijiet, proprju waqt is‑seduta tal‑Parlament tal‑5 ta’ Lulju 1919, il‑Membru Parlamentari Salvatore Zammit, waqt li kien qed jitlob biex issir inkjesta dwar x’wassal għall‑irvellijiet tas‑Sette Giugno, kien qal hekk, u nikkwota:

“... l’irritazione diventava protesta, la quale degenerò in sommossa.  Il torto non è nostro.  Lo avevo già prima attirato l’attenzione del governo sul malcontento generale, prodotto dagli abusi del’amministrazione.” 

Aktar tard, wara li kien hemm domanda tal‑Lieutenant Governor ta’ dak iż‑żmien, l‑istess Membru Parlamentari – din id‑darba kien qed jitkellem bl‑Ingliż – qal hekk:

“I’m drawing the attention of the Council to my speech delivered in connexion with Dr Pullicino’s Resolution for an enquiry. I was simply saying that if unhappily the riots took place it was not due to the will of the population itself but to a disease in which the population found itself entangled and, through the disease, vermin of course cropped up.  The uneasiness felt by the population was not the fault of the population itself; it was perhaps also due to the answer given to me in this Council on the 10th May when I asked the government to institute an enquiry about the excessive profits made by some people on the sale of potatoes, and the Lieutenant General in reply to my question had said: “The Government is satisfied with the measures taken by the Control Board to prevent excessive profits.” If the population was feeling, even wrongly, that excessive profits had been made, and the Government was sure that the Control Board were doing their duty, there was no reason why the Government should not have acceded to my simple request for an enquiry, and so on.”

Joħroġ biċ‑ċar li kien hemm diżgwid bejn il‑Membri tal‑Kunsill Leġiżlattiv ta’ dak iż‑żmien dwar x’kien eżatt li wassal għar‑rewwixti li saru fis‑Sette Giugno. 

Kien hemm diversi raġunijiet għaliex il‑poplu kien imdejjaq.  Ewlenija fosthom kien hemm il‑kwestjoni tal‑identità Maltija u dan għaliex il‑Maltin  dejjem riedu li jkun protett dak li huwa tagħhom.  Kien hemm rabja kbira għall‑fatt li l‑ilsien Malti ma kienx aċċettat u onorat mill‑istituzzjonijiet kollha tal‑pajjiż.  Dan narawh jiġri fis‑seduta parlamentari li saret aktar minn sena wara r‑rewwixti tas‑Sette Giugno, proprju fit‑12 ta’ Ġunju tal‑1920, meta l‑Gvernatur ta’ dak iż‑żmien, Field Marshal Lord Plumer, kien ippreżenta l‑Legal Instruments biex tiġi stabbilita l‑Kostituzzjoni ta’ Malta, dik li wara saret magħrufa bħala l‑Amery‑Milner Constitution tal‑1921.  F’paragrafu 15 ta’ dan id‑dokument kien hemm miktub hekk, u nikkwota:

“The question of the use of Maltese in the Legislature has been carefully considered, and I am of opinion that while every member of the Legislature may be presumed to understand and read either English or Italian, there is no reason for precluding such members as can only express their views with fluency and ease in the vernacular from using it in debate, especially as their fellow members would also understand them, provided, however, that the record of their speeches should be kept, not in Maltese but in English or Italian.”

Dan ifisser li minkejja li saru dawk id‑dimostrazzjonijiet, minkejja dak kollu li seħħ fis‑Sette Giugno, sena wara xorta kien għad hemm tentattiv kostituzzjonali biex ma jiġix rispettat l‑ilsien Malti. Din kienet waħda mir‑raġunijiet għalfejn id‑Dimechiani, kif kienu jsejħu lilhom infushom, kienu rrabjati; għaliex filwaqt li l‑mexxej tagħhom kien fl‑eżilju f’Lixandra u kien jinsab fi stat ħażin ta’ saħħa, huma ma kienx irnexxielhom jipperswadu lill‑awtoritajiet Ingliżi, inkluż il‑Maltin li dak iż‑żmien kienu fil‑Kunsill Leġiżlattiv, biex jagħtu aktar saħħa lill‑ilsien Malti.

Manwel Dimech miet fis‑17 ta’ April 1921 u ndifen mingħajr ebda ċerimonji f’qabar li sal‑lum għad ħadd ma jaf fejn qiegħed, xi mkien f’Lixandra stess qrib Victoria College.  Sentejn wara r‑rewwixti li saru f’Malta fis‑Sette Giugno, preċiżament f’Ġunju 1921, jidher li f’Lixandra kienu għaddejjin rewwixti oħrajn li fihom kienu involuti anke xi Maltin.  Dan joħroġ minn domandi li saru fil‑Parlament Malti stess.  F’domanda li kienet saret lill‑Gvernatur ta’ dak iż‑żmien fis‑seduta parlamentari tal‑11 ta’ Ġunju 1921, l‑Onorevoli Nerik Mizzi kien staqsa hekk:

“Domando  se e quali passi a preso il Governo per assicurare la tutela della vita e della proprietà dei Maltesi residenti in Alessandria d’Egitto e se e quali notizie interessanti i Maltesi può dare  sull’ultimo grave sommossa egiziana, indicando possibilmente i nomi dei Maltesi morti, feriti o danneggiati, e il valore approssimattivo dei danni recati alla proprietà della Colonia Maltese.”

Il‑Gvernatur kien wieġeb hekk:

“Maltese and other British subjects resident in Egypt are under the protection of the British Authorities in that country.  Enquiry has been made by telegraph whether any Maltese have been injured in the recent riots, and in the affirmative, the High Commissioner has been asked to communicate names and details.”

Minn dan joħroġ li wara r‑rewwixti li kienu nqalgħu f’Lixandra, fejn kienu involuti wkoll xi Maltin, l‑Onorevoli Nerik Mizzi, li ċertament ma kellu l‑ebda rabta mal‑ideal ta’ Manwel Dimech ta’ dak iż‑żmien, xorta ħa interess f’dak li seta’ ġara lill‑Maltin ta’ dak il‑post, li wħud minnhom kienu jsegwu lil Manwel Dimech.  Mhijiex eskluża l‑possibbiltà li l‑Maltin ta’ Lixandra setgħu kienu qegħdin jipprotestaw kontra l‑Ingliżi dwar il‑mod kif kien qed jiġi ttrattat Manwel Dimech fl‑eżilju, kif ukoll dwar il‑kondizzjonijiet ta’ ħuthom f’Malta.  

Illum nistgħu ngħidu li t‑triq kienet twila imma mxejna ħafna. Il‑poplu Malti sar aktar sovran, ra lil pajjiżu jakkwista l‑Indipendenza, jadotta Kostituzzjoni Repubblikana, iġib fi tmiemha l‑preżenza tal‑bażijiet militari f’pajjiżna u jikseb il‑Ħelsien u mbagħad jaqbad il‑mixja lejn sħubija fl‑Unjoni Ewropea, tant li din is‑sena fakkarna l‑għaxar anniversarju ta’ din l‑istess sħubija.  Issa jidher li mxejna pass ieħor ’il quddiem biex tingħata widen l‑għajta kbira li ilha tinħass, li l‑Parlament, l‑ogħla istituzzjoni tal‑pajjiż, ikun imsaħħaħ b’dawk l‑għodod li filwaqt li jippermettulu li jkun iktar awtonomu, jagħmluh aktar miftuħ għall‑iskrutinju tal‑poplu. 

Minn hawnhekk irrid nirringrazzja kemm lill‑Gvern kif ukoll lill‑Oppożizzjoni għax‑xogħol kollu li twettaq matul din is‑sena f’din il‑linja ta’ ħsieb u nibda billi nsemmi l‑Kumitat Magħżul tal‑Kamra li twaqqaf fis‑16 ta’ Ottubru 2013 bl‑inkarigu li jħejji rapport dwar it‑twaqqif ta’ Uffiċċju tal‑Kummissarju u ta’ Kumitat Permanenti tal‑Kamra dwar l‑istandards, l‑etika u l‑imġiba xierqa fil‑ħajja pubblika.  Dan il‑Kumitat Magħżul twaqqaf  wara li l‑Kamra, b’mod unanimu, adottat ir‑riżoluzzjoni numru 77, li kienet tressqet mid‑Deputat Prim Ministru u Ministru għall‑Affarijiet Ewropej u Twettiq tal‑Manifest Elettorali, l‑Onorevoli Louis Grech u wara li l‑Kap tal‑Oppożizzjoni, l‑Onor Simon Busuttil, kien ukoll ippreżenta mozzjoni fuq l‑istess linja ta’ ħsieb ftit ta’ żmien qabel lill‑iSpeaker.

Fis‑16 ta’ Diċembru 2013 dan l‑istess Kumitat Magħżul, li kien ippresedut minni bħala Speaker tal‑Kamra u magħmul mill‑Ministru għall‑Affarijiet Barranin l‑Onorevoli George Vella u s‑Segretarju Parlamentari għad‑Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva l‑Onorevoli Justyne Caruana għan‑naħa tal‑Gvern, u l‑Onorevoli Francis Zammit Dimech u l‑Onorevoli Ryan Callus għan‑naħa tal‑Oppożizzjoni, ippreżenta rapport interim  flimkien ma’  Abbozz ta’ Liġi dwar l‑iStandards fil‑Ħajja Pubblika li kien jirrifletti numru ta’ rakkomandazzjonijiet li ntlaħaq qbil dwarhom fil‑Kumitat.  L‑istess dokument stieden lil kull membru parlamentari kif ukoll lis‑soċjetà ċivili biex jgħaddu r‑rimarki tagħhom fuq l‑istess Abbozz ta’ Liġi.  Sussegwentement dan il‑Kumitat reġa’ ltaqa’ u bil‑kontribut tal‑istess Membri, tal‑Uffiċċju tiegħi u dak tal‑Avukat Ġenerali tħejja rapport u Abbozz ta’ Liġi aġġornat li kien ippreżentat lill‑Kamra fl‑24 ta’ Marzu 2014.  Għandi pjaċir ngħid li l‑Ewwel Qari ta’ dan l‑istess Abbozz għadda mill‑Kamra b’mod unanimu fl‑20 ta’ Mejju 2014 wara li ġie mressaq mid‑Deputat Prim Ministru u Ministru għall‑Affarijiet Ewropej u Twettiq tal‑Manifest Elettorali, l‑Onorevoli Louis Grech u ssekondat mill‑Onorevoli Francis Zammit Dimech.       

Dan huwa pass kbir ’il quddiem fid‑direzzjoni lejn it‑tisħiħ tal‑Parlament għaliex permezz tal‑ħatra ta’ Kummissarju u t‑twaqqif ta’ Kumitat Permanenti dwar l‑iStandards,  kull parlamentari se jkun aktar kontabbli fil‑qadi tad‑dmirijiet tiegħu fil‑ħajja pubblika.   Dan għaliex skont kif qed jiġi propost fl‑istess Abbozz ta’ Liġi, kull nuqqas jew ksur ta’ dawk l‑obbligi li jemanaw minn kodiċi ta’ etika, ikun suġġett għal investigazzjoni minn Kummissarju indipendenti u minn Kumitat Permanenti magħmul minn żewġ Membri minn kull naħa tal‑Kamra. Il‑fatt li l‑Parlament Malti issa għandu quddiemu għad‑diskussjoni dan l‑Abbozz ta’ Liġi dwar l‑iStandards fil‑Ħajja Pubblika għandu jitqies bħala pass kbir ’il quddiem għal din l‑Istituzzjoni. Issa nawgura li dan Abbozz ta’ Liġi jiġi kkonsidrat u mgħoddi mill‑Kamra kemm jista’ jkun malajr. 

Kif semmejt aktar kmieni, pass importanti ieħor lejn it‑tisħiħ tal‑Parlament Malti huwa dak li jirrigwarda l‑awtonomija amministrattiva ta’ din l‑Istituzzjoni b’tali mod li tkun ħielsa minn kull influwenza tal‑Eżekuttiv, l‑istess Eżekuttiv li hija fl‑obbligu li teżamina. Huwa essenzjali li l‑Parlament ikollu din l‑indipendenza totali u assoluta fit‑tmexxija tal‑ħteġijiet tiegħu għaliex fil‑prattika dan isarraf f’servizzi aħjar lill‑istess Membri tal‑Kamra biex min‑naħa tagħhom ikunu jistgħu jaqdu daqstant ieħor aħjar il‑funzjonijiet rappreżentattivi tagħhom f’din l‑ogħla Istituzzjoni tal‑pajjiż.  Is‑sena l‑oħra fid‑diskors tiegħi tas‑Sette Giugno kont għedt, u nikkwota:

“Fi kliem ieħor il‑Parlament irid ikollu s‑setgħa li mingħajr xkiel iħejji l‑estimi finanzjarji tiegħu stess u jamministra r‑riżorsi tiegħu b’mod ħieles u distint minn kull tip ta’ influwenza tal‑Eżekuttiv.”

Għandi l‑pjaċir inħabbar li fil‑21 ta’ Mejju 2014, proprju l‑għada li tressaq u ġie approvat l‑Ewwel Qari tal‑Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil‑Ħajja Pubblika, is‑Sedja poġġiet fuq il‑Mejda tal‑Kamra rapport dwar din il‑materja li ġie mħejji minn Kummissjoni interna li ħtart jien fis‑16 ta’ April ta’ din is‑sena.  Flimkien ma’ dan ir‑rapport ġie mqiegħed ukoll Abbozz ta’ Liġi dwar it‑twaqqif ta’ Servizz Parlamentari bil‑ħsieb li jagħti awtonomija amministrattiva sħiħa lill‑Parlament Malti. 

Din is‑sejħa ilna nisimgħuha għal bosta snin, partikolarment mill‑predeċessuri tas‑Sedja waqt din l‑okkażjoni u allura issa nistenna li b’mod konkret u reali ngħaddu mill‑kliem għall‑fatti.  Ngħid ukoll li dan il‑pass għandu jwassal biex Malta ma tibqax l‑uniku pajjiż fl‑Unjoni Ewropea fejn l‑ogħla istituzzjoni tal‑pajjiż, il‑Parlament, m’għandu l‑ebda forma ta’ awtonomija, imma jkun eżempju ħaj ta’ pajjiż żgħir li kapaċi jagħmel dik il‑quantum leap li tassew tirrifletti l‑livell ta’ demokrazija li pajjiżna kien kapaċi jilħaq bis‑saħħa tal‑mexxejja eletti tiegħu.

L‑awtonomija parlamentari ser tkompli tissaħħaħ fil‑ġimgħat u x‑xhur li ġejjin meta l‑Parlament Malti se jkollu l‑binja tiegħu minflok ma jibqa’ jiltaqa’ fil‑Palazz tal‑Granmastri.  Jidher li x‑xogħol se jkun lest sas‑sajf li ġej u nittama li matul il‑waqfa għall‑vaganzi tas‑sajf isir ix‑xogħol kollu meħtieġ biex l‑uffiċċji tagħna jsibu posthom fil‑bini l‑ġdid, bil‑ħsieb li immedjatament wara, il‑Kamra tibda tiltaqa’ fil‑binja l‑ġdida. Dan huwa pass importanti u storiku għax għall‑ewwel darba l‑Parlament se jkun awtonomu anke infrastrutturalment.   Sar xogħol sabiex hekk kif jibda jiltaqa’ l‑Parlament fil‑binja l‑ġdida, is‑seduti parlamentari fil‑plenarja jibdew jixxandru minn fuq is‑sit elettroniku tal‑Parlament permezz ta’ online video streaming, servizz li l‑Uffiċċju tiegħi ilu jagħti għal dawn l‑aħħar sentejn fir‑rigward tal‑laqgħat tal‑Kumitati tal‑Kamra.  Dan is‑servizz se jkun pass importanti ieħor biex il‑poplu jkun aktar konxju tax‑xogħol li jkun qed isir mid‑deputati li huwa jeleġġi biex imexxu ’l quddiem l‑interessi tiegħu. 

Dejjem bil‑ħsieb li nkomplu niftħu l‑aċċess għal din l‑Istituzzjoni, nixtieq nagħmel referenza wkoll għal proposta li ġiet inkluża fl‑Abbozz ta’ Liġi li semmejt dwar l‑awtonomija tal‑Parlament li taħseb biex għall‑ewwel darba l‑Parlament Malti jasal biex ikollu ċ‑channel televiżiv tiegħu.  Permezz ta’ din l‑inizjattiva  din l‑Istituzzjoni tkun qiegħda hi wkoll tindirizza dik li jgħidulha d‑digital divide għaliex tkun qed tqarreb il‑Parlament lejn iċ‑ċittadin, partikolarment lejn dawk li mhumiex daqstant familjari mat‑teknoloġija tal‑lum. 

Huwa f’dan il‑kuntest ta’ tisħiħ tal‑aċċessibilità li tajna bidu għal numru ta’ pubblikazzjonijiet, fosthom il‑ħarġiet regolari tar‑rivista mill‑Parlament li dalwaqt waslet għall‑ħames ħarġa tagħha.  F’Marzu li għadda saret ukoll pubblikazzjoni tar‑rulings, Is‑Sedja Titkellem, li tiġbor fiha r‑rulings li ngħataw matul din il‑leġiżlatura. Is‑Sedja beħsiebha tkompli b’din is‑sensiela ta’ pubblikazzjonijiet minn żmien għal żmien. Hemm ukoll il‑ħsieb li fi żmien qasir toħroġ pubblikazzjoni dwar ix‑xogħol tal‑Parlament għal dak li għandu x’jaqsam mad‑diplomazija parlamentari biex b’hekk il‑poplu jsir jaf aktar dwar ir‑rwol importanti li l‑Parlament Malti għandu anke f’dan il‑qasam, fejn b’mod regolari jikkontribwixxi f‘diversi organizzazzjonijiet u fora internazzjonali.  Dan l‑aħħar, pereżempju, is‑Sedja kellha l‑opportunità li tagħmel keynote speech f’konferenza li ġiet organizzata mill‑Group of States Against Corruption (GRECO) u l‑International Anti‑Corruption Academy (IACA), taħt l‑awspiċi tal‑Ministru tal‑Ġustizzja Awstrijak, fejn ġie indirizzat ir‑rwol parlamentari fil‑ġlieda kontra l‑korruzzjoni.

Kif semmejt, s’issa sar ħafna xogħol, però punt li sal‑lum għadna ma smajna xejn dwaru huwa dak li tkellimt dwaru s‑sena l‑oħra u li wkoll kien indikat fil‑programm elettorali tal‑Gvern preżenti.  Qed nirreferi għall‑idea li l‑MEUSAC tkun taqa’ taħt il‑Parlament, b’mod li l‑Kamra tad‑Deputati tibda tużufruwixxi mir‑riżorsi ta’ din l‑entità sabiex tkun f’pożizzjoni aħjar li tgħarbel id‑direttivi u r‑regolamenti Ewropej billi tieħu in konsiderazzjoni wkoll il‑feedback tas‑soċjetà ċivili, b’tali mod li dawn l‑istess konsiderazzjonijiet jiġu inkorporati dejjem aktar fil‑pożizzjonijiet li jieħu l‑Parlament Malti.  Ċertament li dan ikun pass ieħor reali fid‑direzzjoni lejn aktar awtonomija parlamentari. Wieħed jifhem li ladarba din kienet miżura indikata min‑naħa tal‑Gvern preżenti fil‑programm elettorali tiegħu, fil‑ġimgħat u x‑xhur li ġejjin tittieħed azzjoni sabiex tiġi attwata.

Hemm ukoll il‑ħtieġa ‑ illum ngħid urġenti ‑ li jiġu riveduti sew l‑Ordnijiet Permanenti biex tiżdied l‑effiċjenza fix‑xogħol parlamentari. Barra minn hekk hemm ħafna xogħol xi jsir speċjalment meta nitkellmu dwar tibdil Kostituzzjonali.  Diġà sar xi tibdil importanti anke permezz ta’ emendi mressqa fil‑Parlament minn Membri Parlamentari b’mozzjonijiet privati, emendi li wħud minnhom effettivament diġà saru parti mill‑Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.  Madankollu, hemm emendi oħrajn li għadhom pendenti, u jiena ċert li l-parteċipazzjoni tal-Membri Parlamentari fid-diskussjoni dwar dawn l-emendi ser tkun bħas-soltu waħda attiva u li tikkontribwixxi b’tali mod li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tkun tassew tirrifletti l-ħteġijiet ta’ pajjiżna.

Dan qed ngħidu għax nemmen li din l-Istituzzjoni ma tista’ tistrieħ qatt.  Kull min minna huwa b’xi mod konness mat-tħaddim tagħha, irid jara li kontinwament naħsbu fuq kif din l-Istituzzjoni tista’ tkun aħjar minn kif ħallewha ta’ qabilna. Irridu naraw li l-Parlament Malti jkun dejjem aktar jirrifletti t-tamiet u l-aspettattivi tal poplu Malti – u dan bi dritt – kif ukoll li dejjem aktar jirrifletti l-kuxjenza ħajja u popolari ta’ pajjiżna tramite l-espressjoni u t-tħaddim ta’ demokrazija parlamentari ħajja. 

Fuq dan il-ħsieb irrid li llum, bħala President tal-Kamra, f’dan il-jum nazzjonali u tant għażiż għalina, minn qalbi nsellem lil dawk kollha li verament emmnu kif ukoll lil dawk li jemmnu fis-sehem tagħhom fil-politika, minkejja kemm kultant ikun diffiċli dan ir-rwol.  Dan il-jum għandu jfakkarna fis-sinċerità kollettiva msawra fuq dan l-impenn politiku komuni li wrew numru ta’ politiċi li ġew qabilna, li għandu jagħmlilna kuraġġ, lilna l-politiċi tal-lum, sabiex b’ħidmietna nkomplu nsaħħu lill-poplu Malti biex jibqa’ jiddeċiedi hu dwar x’inhu l-aħjar għalih u għal pajjiżu. Għalhekk il-memorja ta’ dawn il-martri tas-Sette Giugno għandha sservi ta’ riflessjoni qawwija biex inkomplu naħdmu ħalli naraw kif nistgħu nsaħħu dejjem aktar l‑imħabba patrijottika lejn dan pajjiżna u kif nistgħu nrawmu wkoll dejjem aktar sens ta’ responsabbiltà nazzjonali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow