“EKONOMIJA DIĠITALI LI TRID TILĦAQ LIL KULĦADD” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI JOSÉ HERRERA
Skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea, Malta tinsab l-ewwel fejn jidħol l-aċċess għat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss, imma hemm lok ta’ titjib f’ċertu oqsma bħal użu ta’ servizzi governattivi fuq l-internet. Min-naħa l-oħra, Malta tinsab kważi mal-medja fejn jidħol ix-xiri ta’ prodotti u servizzi online u għalhekk, minħabba l-potenzjal ta’ dan is-suq, il-Gvern ser ivara politika ċara biex tisaħħaħ l-kompetizzjoni fl-istess ħin li naħsbu fl-intrapriżi Maltin, li sal-lum mhux qed jibbenefikaw biżżejjed mill-potenzjal ta’ dan is-suq.
Bejn il-5 u s-6 ta’ Ġunju, is-Segretarju Parlamentari José Herrera attenda għall-ewwel laqgħa tiegħu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jiddiskuti t-trasport u t-telekomunikazzjoni. Il-laqgħa tal-Kunsill tal-UE, li saret fil-Lussemburgu, attendew għaliha Ministri mill-pajjiżi tal-UE li jiffurmaw parti mill-Kunsill tat-Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija. Fost l-oħrajn, is-Segretarju Parlamentari ltaqa’ mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie KROES.
Riżultati li jagħmlulna kuraġġ
Is-Segretarju Parlamentari nnota b’sodisfazzjon ir-rizultati miksuba minn pajjiżna fejn jidħol l-aċċess għat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss, fost l-oħrajn aċċess aktar b’saħħtu ta’ internet fid-djar. Hawn, skont studju li għamlet l-Kummissjoni Ewropea, Malta tinsab fl-ewwel post. Kumpaniji li jipprovdu s-servizz ta’ downloand b’saħħtu jinsabu mifruxa mal-pajjiż kollu, kontra l-bqija tal-pajjiżi tal-UE fejn hemmhekk għadek issib rati mhux tajbin daqs ta’ Malta fejn jidħol is-servizz tal-broadband b’veloċità għolja.
“Għalhekk, Malta tista’ sservi ta’ mudell bħal ma qed isservi ta’ mudell fl-użu tal-broadband b’saħħtu fid-djar tal-Maltin li hawn ukoll ninsabu ’l fuq mill-medja tal-UE. Kemm għal skopijiet domestiċi u anke għall-użu tal-kumpaniji, l-infrastruttura b’saħħitha li qed jipprovdi pajjiżna qed tkun katalista biex inkabbru l-ekonomija tagħna”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Dan huwa riżultat ta’ politika li tħares ’il quddiem kif ukoll investiment kontinwu mill-industrija, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Riżultati li rridu nagħtu każ
Fil-Lussemburgu, is-Segretarju Parlamentari qal li l-viżjoni tal-Gvern fejn tidħol l-ekonomija diġitali hija dik li trid tilħaq lil kulħadd.
“Iridu nagħtu każ lil kważi 40 fil-mija tal-Maltin li ma jużawx l-internet b’mod regolari d-dar tagħhom. Irridu nagħtu każ lil kważi terz tal-Maltin li qatt m’użaw l-internet, għaliex dawn qed jitpoġġew fiż-żvantaġġ ekonomiku u soċjali ma’ dawk li jużaw l-internet. Irridu naħsbu u nistaqsu għaliex f’pajjiżna għad għandna rata mhux żgħira ta’ nies li ma jużawx is-servizz tal-Gvern permezz tal-internet. Dan kollu jwassalni għal bżonn ta’ strateġija ċara fejn l-ekonomija diġitali trid tilħaq lil kulħadd”, tenna s-Segretarju Parlamentari José Herrera.
Studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea jirriżulta li 66% tal-Maltin jużaw l-internet id-dar tagħhom b’mod regolari, li jfisser żieda marġinali mis-sena l-oħra u erba’ postijiet ’l isfel mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra 28% tal-Maltin qatt ma użaw internet. Fejn jidħol l-użu tas-servizzi tal-Gvern online, Malta rreġistrat riżultati tajbin ħafna f’dik li hija aċċess, imma hemm lok ta’ titjib fejn jidħol l-użu għaliex hawn ninsabu tmien postijiet ’l isfel mill-medja tal-UE.
Bżonn ta’ politika dwar l-E-Commerce
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li l-Gvern jinsab fis-stadju avvanzat biex ivara l-politika tiegħu dwar il-kummerċ online.
Jirriżulta li 46% tal-Maltin, li hija kważi r-rata medja tal-UE, jixtru prodotti jew servizzi online. Madanakollu Malta tinsab taħt il-medja tal-UE fejn jidħol l-aċċessibbiltà ta’ kumpaniji Maltin (l-aktar dawk żgħar u medji) li jbiegħu prodotti jew servizzi online.
“Għalhekk il-Gvern bħalissa qed jaħdem fuq pjan ta’ politika dwar il-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi online ħalli jgħin lil dawk il-kumpaniji li sa issa mhux qed jibbenefikaw minn din ir-realtà ekonomika”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Fil-Lussembugu, is-Segretarju Parlamentari José Herrera kien akkumpanjat mid-Deputat Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fl-UE is-Sur Neil Kerr.
Filmati:
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041