APPROVAT IL-FINANZJAMENT GĦALL-PROĠETT TAL-VEĊĊJA F’SAN PAWL IL-BAĦAR
L-amministrazzjoni preżenti mill-ewwel tat prijorità lill-preparazzjonijiet għall-Programm Operazzjonali tal-Fond Ewropew għas-Sajd u s-Settur Marittimu għal Malta waqt li l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali qed jaħdem qatigħ sabiex l-ewwel sejħiet għall-proġetti taħt dan il-Programm jiġu varati kemm jista’ jkun malajr, għall-benefiċċju tas-settur tas-Sajd,tas-settur tal-Akwakultura u dak Marittimu.
L-abbozz tal-Programm Operazzjonali tal-Fond Ewropew għas-Sajd u s-Settur Marittimu għal Malta, ġie mfassal wara kooperazzjoni mill-qrib mal-istakeholders, fosthom is-sajjieda, l-operaturi tal-Akwakultura u l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima.
Għalkemm il-budget li ser ikun allokat għal Malta għadu ma ġiex komunikat mill-Kummissjoni Ewropea, dan għandu jkun magħruf fil-ġranet li ġejjin. Il-Gvern ilu żmien twil jagħmel pressjoni mal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-allokazzjoni għal Malta tkun għolja kemm jista’ jkun, u ninsabu kunfidenti li dan il-Fond ser ikun fil-fatt akbar mis-snin li għaddew.
L-involviment tal-istakeholders f’dan il-Programm mhux ser jieqaf mal-laqgħa tal-lum, u l-istakeholders ser ikunu involuti bis-sħiħ fil-fażi t’implimentazzjoni tal-Programm. Id-Diviżjoni għall-Fondi u Programmi fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali, bħala l-Awtorità ta’ Ġestjoni, ser tkun qed twaqqaf Kumitat ta’ Monitoraġġ biex jieħu d-deċiżjonijiet l-aktar importanti li jirrigwardjaw l-implimentazzjoni tal-Programm. L-istakeholders, fosthom rappreżentanti tas-sajjieda u tas-settur tal-akwakultura, ser ikunu membri ta’ dan il-Kumitat, li se jkun strumentali fl-implimentazzjoni tal-Programm.
Hekk kif il-fażi ta’ preparazzjoni għal dan il-Programm Operazzjonali tintemm, tibda fażi kruċjali oħra, dik tal-implimentazzjoni. Dan qed isir f’perjodu kruċjali meta dan il-Gvern jinsab impenjat li jikkonkludi l-aħħar proġetti mill-Programm finanzjarju li ħriġna minnu. Fil-fatt is-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg ħabbar kif issa ġie approvat ukoll il-finanzjament tal-proġett tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar b’valur ta’ nofs miljun ewro permezz ta’ fondi ewropej.
Dan il-proġett ser ikun qed jiġi implimentat mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fi ħdan is-Segretarjat tal-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041