IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA, L-AVUKAT MICHAEL FALZON, JATTENDI GĦAT-TNEDIJA TAL-SEIS MALTA GEOWEB PORTAL, FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI GĦALL-AMBJENT
Għada, 5 ta’ Ġunju 2014, se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ambjent. It-tema li ntgħażlet min-Nazzjonijiet Uniti għal din is-sena hija “Raise your voice-not the sea level”. Din it-tema għandha sinifikat speċjali għall-gżejjer stati zgħar bħalma hija Malta u ntgħażlet biex titqajjem kuxjenza dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-gżejjer żgħar madwar id-dinja.
F’din l-okkazjoni l-Avukat Michael Falzon stqarr, illi biex negħlbu l-isfidi ambjentali, fosthom l-impatt tat-tibdil fil-klima, il-pajjiż għandu bżonn qafas ta’ infrastruttura u riżorsi moderni li jgħinuna nwettqu dan il-għan; waqt li rridu nkunu kapaċi wkoll illi nsarrfu din l-informazzjoni komplessa f’informazzjoni aktar faċli biex tinftiehem minn kulħadd. Meta jkollna f’idejna dan it-tagħrif, inkunu tlajna tarġa mportanti biex negħlbu l-isfidi ambjentali u nieħdu deċiżjonijiet li jinstigaw bidla pożittiva favur l-ambjent.
F’din l-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari l-Avukat Michael Falzon laqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ l-SEIS Malta geoweb portal. Dan il-geoweb portal ġie żviluppat bħala parti minn proġett b’investiment ta’ Eur4.6 miljun bil-għan li tiġi mtejjba l-kapaċita’ tal-Gżejjer Maltin f’dak li huwa moniteraġġ ambjentali.
Huwa kompla billi qal, li l-MEPA tinsab impenjata b’diversi proġetti oħra li jaraw li jkun konservat l-ambjent tagħna, bħal studji dwar id-dniefel u fkieren, u studji fuq għerien u ambjenti naturali li jinsabu taħt wiċċ il-baħar. Dawn il-proġetti kollha, kif ukoll il-proġett imħabbar illum, jifformaw parti mis-somma ta’ Eur200 miljun li l-Gvern diġa’ ħabbar li se jiġu allokati għall-proġetti li jsaħħu l-ambjent.
L-Avukat Michael Falzon ikkonkluda billi saħaq fuq l-importanza li nkomplu nfittxu l-innovazzjoni fil-proġetti ambjentali li nipproponu u nwettqu. Huwa rringrazzja lit-tim, il-mexxejja tal-proġetti, l-esperti tematiċi u lil dawk kollha li kkollaboraw biex jagħmlu dan il-proġett realta’. Tenna r-ringrazzjament tiegħu ukoll liċ-Ċermen u s-CEO tal-MEPA, u l-istaff tal-partners kollha tal-proġett, li taw is-sehem u s-sapport tagħhom sabiex dan il-proġett seta’ jkun suċċess.
Grazzi speċjali ġiet mogħtija lil Dr. Saviour Formosa li kkordina dan il-proġett.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041