IL-GVERN KOMMESS LI JKABBAR L-INDUSTRIJA TAL-LOGĦOB F’PAJJIŻNA – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U T-TKABBIR EKONOMIKU JOSÉ HERRERA
Is-Segretarju Parlamentari appella lill-Ingilterra biex fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri fil-Kunsill tal-Ewropa tappoġġja lill-Malta fil-proposti illi qed tagħmel dwar definizzjoni ġdida li l-Konvenzjoni dwar il-Manipulazzjoni ta’ Kompetizzjonijiet Sportivi trid iddaħħal fuq l-imħatri (betting) fil-kompetizzjonijiet sportivi. Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li filwaqt li Malta taqbel mal-għanijiet ta’ dak propost f’din il-Konvezjoni, tħoss li d-definizzjoni imposta fuq l-imħatri fl-isports (sports betting) tmur lil hinn minn dawn l-objettivi, filwaqt li l-istess definizzjoni tista’ tippreġudika l-qagħda ta’ pajjiżna.
Il-pozizzjoni ta’ Malta dwar il-Konvenzjoni fuq il-manipulazzjoni fil-kompetizzjonijiet sportivi
Fit-18 ta’ Ġunju li ġej, il-Kunsill tal-Ministri fil-Kunsill tal-Ewropa ser jiltaqa’ biex jiddeċiedi fuq it-test finali tal-Konvenzjoni dwar il-manipulazzjoni fil-kompetizzjonijiet tal-isports. Malta taqbel mal-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni li prinċiparjament huma intiżi li jikkumbattu l-manipulazzjoni u l-frodi fl-isports. Madanakollu għandha r-riservi tagħha fuq ċertu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-objettivi u l-iskop tal-Konvenzjoni.
Il-Konvenzjoni qed tipproponi li l-imħatri llegali fl-isports għandhom jiġu mifhuma bħala dawk l-imħatri li mhumiex regolati mil-liġi tal-pajjiż tal-konsumatur. “B’hekk jekk din id-definizzjoni tidħol fis-seħħ tista’ taħdem kontra l-operatur (sports betting operators) liċenzjat f’Malta minkejja li f’Malta l-operaturi tal-e-gaming huma skrutinati u regolati mill-Awtorità tal-Logħob u l-Lotterija”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li pajjiżna dejjem kien konsistenti dwar l-oġġezzjoni tiegħu fuq din id-dispożizzjoni, tant li f’Jannar tal-2014 m’appoġġjax id-definizzjoni kif proposta u għamel riżerva kontriha. Qal ukoll li fil-laqgħa tal-istanding committee fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li saret f’Baku nhar it-23 ta’ Mejju, Malta resqet proposti biex fost l-oħrajn tiġi emendata din id-dispożizzjoni. Din il-proposta ma ġietx aċċettata bi 15–il vot kontra u 11–il vot favur.
Fil-laqgħa mal-Ministru Ingliż, huwa talabha biex twassal il-messaġġ ta’ pajjiżna biex l-Ingilterra tagħraf li d-definizzjoni kif inhi bħalissa tal-imħatri llegali fl-isports tmur lil hinn mill-objettivi tal-Konvenzjoni.
Fl-istess laqgħa huwa radd ħajr lill-Ministru Ingliż li, bħal Malta, l-Ingilterra qed tappoġġja l-argument li l-Unjoni Ewropea m’għandix tfittex li tarmonizza ċertu aspetti tar-regolamenti fl-imħatri (betting) permezz ta’ strumenti addottati minn barra l-UE u li strettament m’għandhom l-ebda relevanza għall-industrija tal-logħob.
Relevanza Ekonomika
L-industrija tal-imħatri (betting industry) f’pajjiżna, li hija regolata mil-LGA, tikkontribwixxi għal parti sostanzjali mill-ekonomija tagħna.
Jirriżulta li fl-aħħar tas-sena 2013, is-settur tal-imħatri f’pajjiżna kkontribwixxa għal madwar 6% tal-GDP. Dan is-settur jagħmel parti mill-industrija tal-logħob tal-azzard li bħalissa jammonta għal madwar 11% tal-GDP tagħna.
Fl-2013, it-taxxa fuq id-dħul mill-imħatri online f’pajjiżna permezz ta’ kumpaniji reġistrati f’pajjiżna kien ilaħħaq il-€11.5 miljun, jiġifieri 52% tad-dħul li daħħal pajjiżna mill-industrija tal-logħob.
Is-Segretarju Parlamentari tenna l-pożizzjoni tal-Gvern Malta li jsostni lil din l-industrija, filwaqt li jiffaċilita t-tkabbir tagħha.
Waqt il-laqgħa mal-Ministru Ingliż, is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-LGA, is-Sur Joseph Cuschieri.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041