Left arrow Mur Lura

RAPPORT DWAR L-GĦAŻLA TAD-DITTI LEGALI MILL-PRIVATISATION UNIT BEJN L-2008 U L-2013

pr141244mt
Date Icon 02/06/2014

Fl-20 ta’ Awwissu 2013, il-Membri Parlamentari tal-Gvern fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) formalment talbu lill-Awditur Ġenerali (AĠ) sabiex jinvestiga l-użu ta’ direct contracts għal servizzi legali, b'mod partikolari fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, u speċifikament fir-rigward ta’ proċessi ta' privatizzazzjoni li seħħew bejn Marzu 2008 u Marzu 2013.

Tliet proċessi ta’ privatizzazzjoni seħħew fil-perjodu taħt investigazzjoni, li huma, il-privatizzazzjoni tal-Malta Shipyards Limited (MSL) u dik tal-yacht marinas, kif ukoll ir-rikonċessjoni tal-liċenzja tal-Lotterija Nazzjonali.  Diversi ditti legali kienu magħżula sabiex jassistu lill-Privatisation Unit (PU) u l-Malta Investment Management Company Limited (MIMCOL) fit-tliet privatizzazzjonijiet msemmija. F’din l-investigazzjoni, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) identifika diversi nuqqasijiet, li qed jiġu ppreżentati hawn taħt.

L-NAO nnota nuqqas ta’ kjarezza dwar id-delinjazzjoni ta’ responsabbiltà bejn il-PU u l-MIMCOL fir-rigward tal-privatizzazzjonijiet hawnhekk mistħarrġa.  Dan in-nuqqas ta’ kjarezza huwa evidenti fl-ipproċessar tal-pagamenti, liema proċess kien nieqes minn sistema kordinata ta’ approvazzjoni ta’ fatturi, li hi importanti biex tassigura l-użu xieraq ta’ fondi pubbliċi. L-NAO jikkunsidra s-sistema ta' approvazzjoni użata bħala dgħajfa, b’partijiet jassumu l-parti l-oħra responsabbli għal proċessi speċifiċi. Barra minn hekk, l-NAO nnota li ma kienx hemm responsabbiltà ċara fir-rigward tal-ħruġ ta’ ittra formali ta’ ingaġġ lil ditti mqabbdin biex jipprovdu servizzi legali.

NAO jagħraf il-fatt li l-ebda awtorizzazzjoni għal direct contract ma kienet meħtieġa minħabba li l-MIMCOL taqa’ taħt l-Iskeda Numru 3 fil-liġi tal-kuntratti pubbliċi. L-NAO jirrikonoxxi li din l-eżenzjoni tgħin biex jitħaffu proċessi sensittivi u sabiex MIMCOL tingħata l-flessibiltà meħtieġa; madanakollu, l-NAO jsostni li din is-sitwazzjoni ma tagħtix eżenzjoni mir-responsabbiltà li tinżamm dokumentazzjoni xierqa, u minflok tirrendi din il-ħtieġa aktar evidenti.

Għalkemm il-PU u l-MIMCOL saħqu li t-termini tal-ingaġġ tad-ditta legali għall-privatizzazzjoni tal-MSL ġew diskussi mad-ditta legali magħżula, l-ebda ittra formali ta’ ingaġġ ma tfasslet.  Dan il-punt ta’ kontenzjoni jkompli jintensifika meta wieħed iqis li dan il-ftehim ġie estiż għall-privatizzazzjoni tar-Ricasoli Tank CleaningFacility u tal-yacht marinas. L-NAO jikkunsidra d-dokumentazzjoni xierqa ta’ arranġamenti kuntrattwali fis-seħħ bħala aspett bażiku ta' governanza, aktar u aktar meta wieħed iqis li l-ispiża totali qabżet €390,000.  Il-ġustifikazzjoni mogħtija mill-PU u mill-MIMCOL rigward l-użu ta’ direct contract għal servizzi legali fil-każ tal-privatizzazzjoni tal-MSL iffukat fuq l-urġenza meħtieġa minħabba miri imposti mill-Unjoni Ewropea, fost oħrajn.  Ir-rikors għal direct contract fil-każ tal-privatizzazzjonijiet tal-yacht marinas kien spjegat fl-isfond tas-servizzi legali meħtieġa biex jiġu indirizzati l-allegati riskji imposti minn konsorzju fuq detenturi tal-irmiġġ oħra.

L-ingaġġ ta’ ditta legali fir-rigward tal-għoti tar-rikonċessjoni tal-liċenzja tal-lotteriji essenzjalment jikkostitwixxi direct contract, bil-PU jikkuntattja ħames ditti tal-għażla tiegħu u eventwalment tingħażel l-irħas offerta. Il-ġustifikazzjoni għall-għoti ta’ direct contract prinċipalment iffukat fuq l-urġenza għas-servizzi legali meħtieġa. Madankollu, l-NAO jinnota li l-ħtieġa ta’ tiġdid tal-liċenzja setgħet ġiet prevista, biex b’hekk tippermetti li d-ditta legali tiġi magħżula permezz ta' proċess ta’ għażla li hu iktar kompetittiv.

L-NAO nnota li, għalkemm l-ittra ta’ ingaġġ stipulat li d-ditta legali kellha tikseb approvazzjoni mill-MIMCOL meta  n-numru stipulat ta' sigħat kien ser jinqabeż, din l-approvazzjoni mhux dejjem kienet mitluba, jew li alternattivament id-dokumentazzjoni ma ġietx miżmuma.  Barra minn hekk, id-ditta legali kellha tikseb l-approvazzjoni mill-PU għal spejjeż oħra li kellha tidħol fihom, iżda din l-approvazzjoni ma kinitx mitluba, jew id-dokumentazzjoni ma kinitx miżmuma. In-nuqqas ta’ din l-approvazzjoni dgħajjef is-sistema ta' kontroll finanzjarju tal-proċess.

Dan ir-Rapport hu aċċessibbli minn www.nao.gov.mt.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow