IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU EDWARD ZAMMIT LEWIS JIRRINGRAZZJA GĦALL-OPERAZZJONI PRONTA FL-AJRUPORT INTERNAZZJONALI TA’ MALTA
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod ta’ kif ġiet ikkontrollata s-sitwazzjoni li kien hemm aktar kmieni llum waranofsinhar fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn kien hemm stat ta’ alert, minħabba l-biża’ ta’ splussivi f’waħda mill-bagalji ta’ passiġġier li kien sejjer fuq titjira tal-Air Malta għal Manchester. B’xorti tajba rriżulta li kien apparat tal-għaddasa.
Uffiċjali tal-Ministeru kienu fuq il-post ftit tal-ħin wara li saret is-sejba u segwew mill-qrib l-operazzjoni li kienet għaddejja, fejn kontinwament żammew lil Ministru aġġornat bis-sitwazzjoni.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis irringrazzja lill-impjegati tal-Malta International Airport, il-forzi tas-Sigurtà, l-Armata, il-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili u dawk kollha li b’xi mod ħadmu f’din l-operazzjoni, għall-prekawzjonijiet kollha li ħadu biex iħarsu s-sigurtà u s-saħħa tal-passiġġieri.
“Huwa tassew ta’ min ifaħħar il-ħidma ta’ dawn in-nies, għall-isforzi tagħhom biex jassiguraw inkonvenjent mill-inqas għall-passiġġieri, fi żmien meta s-settur turistiku f’pajjiżna qiegħed għaddej fl-aqwa tiegħu” temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu.
Il-Ministru kien infurmat ukoll li l-ebda titjira ma ġiet imħassra minħabba dan l-inċident u għall-ħabta tal-4.00 p.m. l-ajruport reġa’ beda jopera.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041