ŻEWĠ AĠENZIJI EWROPEJ F’MALTA BIEX JAĦDMU MAL-GVERN FIS-SETTUR EDUKATTIV
Waqt il-Konferenza Ġenerali Triennali tal-Malta Union of Teachers (MUT), il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li bħalissa f’Malta hawn żewġ aġenziji li qegħdin jaħdmu mal-gvern biex il-qasam tal-edukazzjoni jkompli jagħmel qabża ta’ kwalità ‘il quddiem.
L-Aġenzija Ewropea għall-Edukazzjoni Inklussiva qed tgħin biex issir evalwazzjoni tas-sistema edukattiva bil-għan li joħorġu proposti dwar l-inklussività f’dan il-qasam tant delikat u importanti.
Min-naħa l-oħra s-Cedofop, l-Organizzazzjoni Ewropea tat-Taħriġ u Edukazzjoni Vokazzjonali, qed tħejji pjan ta’ kif se tinħoloq il-vocational route fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna.
Malta, flimkien mal-Litwanja, hija l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li aċċettat din it-tip ta’ evalwazzjoni u suġġerimenti. Dr Muscat sostna li hemm il-lok ta’ aktar suċċess u għalhekk qed iħares ‘l quddiem lejn it-twettiq ta’ aktar riżultati. L-MUT qed ikunu involuti f’dawn l-evalwazzjonijiet.
Il-Prim Ministru sostna li l-isfidi fl-edukazzjoni huma kbar imma teżisti bażi soda ta’ investiment u xogħol li sar minn gvernijiet suċċessivi fl-aħħar 50 sena u li fuqhom irridu nibnu filwaqt li nbiddlu l-affarijiet li forsi ma rnexxewx daqskemm wieħed stenna.
Huwa saħaq li l-iktar punt kruċjali huwa li naqsmu l-informazzjoni flimkien billi ma jkollniex mentalità reklussiva u naqsmu l-esperjenzi, d-data, it-trends u l-evalwazzjonijiet. L-evalwazzjonijiet għandna narawha bħala għodda biex il-gvern, l-għalliema u s-sistema kollha tista’ titjieb. Għalhekk dan il-gvern iddeċieda li jippubblika rapport bħat-Timss u Pisa biex ma jservux biss lill-gvern imma jkun magħruf minn kulħadd.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkompli jwettaq il-proposti tal-Manifest Elettorali fosthom l-introduzzjoni tal-perjodu sabbatiku għall-għalliema li jridu jieħdu sena biex jistudjaw f’qasam li jkun ta’ għajnuna diretta għat-tfal. Diġà bdew l-ewwel diskussjonijiet f’dan ir-rigward u malli jintlaħaq ftehim jitħabbru l-ewwel inizjattivi.
Fost l-akbar sfidi fis-sistema edukattiva hemm ir-rata għolja ta’ tfal li jitilqu mill-iskola kmieni, problemi fil-literacy u numeracy kif ukoll fil-qasam vokazzjonali. Dr Muscat faħħar ix-xogħol tal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo li meta jitkellem dwar figuri ma joqgħodx juri s-sitwazzjoni aħjar milli hi.
Il-Prim Ministru qal li s-sehem tal-istudent huwa understimated u għandna nagħtuhom aktar ċans jitkellmu. Dan imur id f’id mal-fatt li l-età tal-vot se tinżel għal 16-il sena fejn se tingħata responsabbiltà ċivika. Huwa semma wkoll li rridu nirresponsabbilizaw aktar lill-ġenturi, bl-ewwel pass ikun li l-benefiċċji soċjali tal-faqar jintrabtu mad-dover li l-ġenituri jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola. Dan huwa sinjal b’saħħtu illi l-affarijiet jistgħu jitranġaw jekk naħdmu flimkien.
Il-Prim Ministru awgura lill-MUT għad-95 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Huwa qal li l-MUT li hija waħda mill-eqdem tradeunions f’pajjiżna u li jħares lejha bħala sieħeb essenzjali fid-direzzjoni li l-gvern irid jagħti lill-pajjiż għas-snin li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041