Left arrow Go Back

IL-BELT VICTORIA TIPPREPARA GĦAT-TIENI EDIZZJONI TA’ ROCKASTRA

pr141220
Date Icon 30/05/2014

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella ħabbret it-tieni edizzjoni ta’ RockAstra, spettaklu mużikali mill-banda La Stella li ser jinżamm nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju 2014, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, Għawdex. Dan ġie mħabbar f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-kumpless Il-Maxtura, Għawdex, nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju.  Il-konferenza ta’ l-aħbarijiet ġiet indirizzata minn Dr Edward Zammit-Lewis, Ministru għat-Turiżmu; Dr Anton Refalo Ministru għal Għawdex; Dr Samuel Azzopardi, Sindku tal-Belt Victoria; Michael Formosa, Segretarju Amministrattiv tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u s-Surmast Sigmund Mifsud, direttur artistiku ta’ RockAstra.

F’dan il-kunċert, il-Banda La Stella ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud, personalita’ magħrufa sew fil-qasam mużikali u artistiku ta’ pajjiżna.  Il-konferenza ġiet indirizzata mis-Sur Michael Formosa, Segretarju Amministrattiv ta’ l-istess Soċjetà.  Huwa rrimarka b’sodisfazzjon li l-kunċert RockAstra li jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu, diġà stabilixxa ruħhu bħala appuntament ewlieni fil-qasam mużikali ta’ pajjiżna u hu riflessjoni ta’ inizzjattiva ta’ kwalità oħra tas-Soċjetà Filarmonika La Stella.  Is-suċċess kbir li nkiseb fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet u l-impenn tal-mużiċisti tal-Banda La Stella taħt id-direzzjoni artistika impekkabbli tas-Surmast Sigmund Mifsud jippromettu li l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun pass ieħor fil-mixja ta’ suċċessi u tiġdid tal-profil artistiku tal-Banda Ċittadina La Stella.

Is-Surmast Mifsud, li lejn tmiem l-2013 ġie maħtur bħala assistent direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika La Stella aċċenna għall-esperjenza posittiva li kellu sa issa mal-Banda Ċittadina La Stella u għall-opportunità unika u għall-importanza li t-talent lokali qed jingħata f’dan il-kunċert. F’dan il-kunċert, il-Banda La Stella ser tkun akkumpanjata minn sezzjoni ritmika kif ukoll artisti lokali bħalma huma Aldo Busuttil, Francesca Borg, Anna Azzopardi, Louisana Bartolo Tiziana Calleja u Michela Pace.  Matul dan il-kunċert ser jiġu esegwiti siltiet mużikali mir-repertorju ta’ John Lennon, Freddie Mercury, Zucchero, Deep Purple, John Fogerty u Leonard Cohen fost oħrajn.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Dr Edward Zammit-Lewis li kien preżenti għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet, iddeskriva din l-inizjattiva tal-Banda La Stella bħala waħda ta’ kwalita’, organizzata minn organizzazzjoni mużikali li topera fuq bażi volontarja.  Huwa kompla li RockAstra mhux biss ser ikun qed jesebixxi t-talent mużikali li għandna f’pajjiżna, imma juri wkoll kemm entitajiet li joperaw fuq bażi volontarja jistgħu jkunu parteċipi ma’ l-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jagħtu kontribut biex pajjiżna jkun jista’ jesebixxi aħjar il-prodott kulturali tiegħu. Il-kunċert RockAstra se jkun okkażjoni li tiġġenera turiżmu intern bejn Malta u Għawdex. Il-Ministru Zammit-Lewis irrimarka li bħall-organizzazzjoni ta’ Festival Mediterranea u l-opra lirika, li jinżammu kull sena fit-Teatru Astra, il-kunċert RockAstra jikkonferma l-impenn u d-dedikazzjoni tas-Soċjetà La Stella fil-promozzjoni tal-kultura u l-mużika f’pajjiżna, li minbarra li jagħmlu unur lilha bħala organizzatriċi, huma f’sintonija mal-politika tal-Gvern.

Il-Ministru għal Għawdex, Dr Anton Refalo, sostna li din hija waħda minn dawk l-inizjattivi kulturali li jgħinu lil Għawdex sabiex ikun destinazzjoni ta’ kwalità.  F’kuntest akbar, attivitajiet mużikali bħal RockAstra jagħmlu l-kalendarju kulturali lokali aktar attraenti.  Il-Ministru Refalo kompla li jinsab konxju mill-potenzjal tal-Banda La Stella filwaqt li rrikonoxxa l-kontribut kbir li din is-Soċjetà Mużikali qed tagħti fix-xena mużikali u kulturali lokali.  Huwa tenna li l-Ministeru għal Għawdex se jissokta joffri kull appoġġ sabiex inizjattivi ta’ din ix-xorta jkunu jistgħu jitwettqu.

Is-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi li wkoll indirzza l-konferenza ta’ l-aħbarijiet, esprima s-sodisfazzjon tal-Kunsill Lokali Belt Victoria li ser jittella dan il-kuncert bil-kollaborazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-istess Kunsill. Il-Kunsill persważ li dan ser ikompli jtella’ l-livell tal-qasam muzikali ta' Beltna.

Dan l-ispettaklu mużikali qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, tal-Ministeru għal Għawdex, tal-Ministeru tal-Gustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Awtorita tat-Turiżmu u bl-għajnuna ta’ General Soft Drinks Co. Ltd, Citadel Insurance plc, Banif Bank, Ivory Suite-Maxtura u Arkadia.

Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas. 

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq 21550985 u www.lastella.com.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow