Left arrow Go Back

REGOLAMENTI ĠODDA DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-FENEK SELVAĠĠ SE JKUNU PPUBBLIKATI FIL-JIEM LI ĠEJJIN

pr141207mt
Date Icon 30/05/2014

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali nhieda riforma sħiħa tar-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u il-Fenek Selvaġġ (L.S. 504.06). Dawn ser jinbidlu b’leġislatura ġdida u ppubblikata fil-jiem li ġejjin. Ir-Regolamenti tal-1994 huma skaduti u ma kienux jipprovdu regolamenti effettivi għall-protezzjoni u l-esplojtazzjoni sostenibbli tal-fenek selvaġġ. Il-legiżlazzjoni ġdida ser tindirizza dawn in-nuqqasijiet, issaħħaħ l-aspett tradizzjonali tal-kaċċa tal-fenek selvaġġ filwaqt li ittejjeb il-miżuri għall-protezzjoni ta’ din l-ispeċi, tnaqqas il-possibilità tal-abbuż, tikkjarifika aspetti legali u fuq kollox tipprovdi qafas legali iżjed ċar u effettiv.

Taħt ir-regolamenti preċedenti, l-istaġun tal-kaċċa tal-fenek selvaġġ kien jiftaħ mill-ewwel ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Diċembru kull sena, mingħajr ebda distinzjoni bejn kaċċa għall-fenek bis-senter u kaċċa tal-fenek selvaġġ bil-klieb, nemes u xibka mingħajr l-użu tas-senter. Filwaqt li il-parti tar-Regolamenti preċedenti li kienu jirregolaw il-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi ġew imħassra u mibdula bir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S. 504.71), il-parti fejn kienet tirregola il-protezzjoni tal-fenek selvaġġ kienet nieqsa ħafna minn diversi aspetti, speċjalment miżuri dwar il-protezzjoni tal-fenek selvaġġ, nuqqas ta’ koerenza bejn aspetti ta’ infurzar u multi, u l-ebda distinzjoni rigward miżuri regolatorji dwar it-tipi differenti ta’ kaċċa u qbid tal-fenek selvaġġ.

Bir-regolamenti l-ġodda, il-kaċċa tal-fenek selvaġġ tiftaħ mill-ewwel ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Diċembru, iżda il-kaċċa tal-fenek bis-senter waqt ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awissu ser tkun permessa biss fuq art reġistrata mad-Dipartiment tal-Agrikultura u b’kunsens bil-miktub mingħand sid l-art. Din il-miżura ma tapplikax għall-kaċċa tal-fenek bis-senter minn Settembru sa’ Diċembru, fil-ħinijiet li l-kaċċa tal-għasafar tkun permessa taħt ir-Regolamenti dwar il-Konservazjoni tal-Għasafar Selvaġġi, u lanqas ma tapplika għall-insib tal-fenek selvaġġ bil-klieb, nemes u xibka mingħajr l-użu tas-senter. F’dawn il-każijiet xi restrizzjonijiet oħra japplikaw.

Minn Ġunju sa’ Awissu, il-kaċċa bis-senter għall-fenek tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa’ sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt u, fil-Ħdud u festi pubbliċi minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-siegħa ta’ wara nofsinhar. Minn Settembru sa’ Diċembru, il-kaċċa għall-fenek bis-senter tista’ ssir fil-ħinijiet li fihom tista’ tiġi pprattikata il-kaċċa għall-għasafar fl-istaġun miftuħ tal-Ħarifa, skont it-termini tar-Regolamenti dwar il-Konservazjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S.504.71) jew xi Regolament sussidjarju oħra.

Iżda, dawn ir-restrizjonijiet ma japplikawx għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ bin-nemes, klieb u xibka, dment li din it-tip ta’ kaċċa ssir mingħajr senter.

Taħt dawn ir-regolamenti l-ġodda, kaċċaturi liċenzjati għall-kaċċa/insib tal-Fenek Selvaġġ huma obbligati bil-liġi jniżżlu il-qbid fil-ktejjeb tal-kaċċa, il-Carnet de Chasse. Din il-miżura ser tgħin lill-awtoritajiet jiġbru informazzjoni rigward l-ammont ta’ fniek li jinqabdu. Pieni marbuta mal-ksur tar-Regolamenti għall-Protezzjoni tal-Fenek Selvaġġ ġew miżjuda drastikament, b’hekk ġew fuq l-istess livell mar-Regolamenti dwar il-Konservazjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Protezzjoni legali u addizjonali ġew introdotti sabiex jiġu protetti għasafar li jbejjtu mal-art, bħal per eżempju, ir-rekwiżit li in-nemes ikun imlibbes sarima waqt il-kaċċa/insib tal-fenek selvaġġ, restrizzjonijiet rigward l-użu tax-xibka, kif ukoll restrizjonijiet oħra li jillimitaw  fejn il-fenek selvaġġ jista’ jiġi kkaċċjat bl-użu tax-xibka, klieb u nemes.

Din ir-rifoma fir-regolamenti għall-protezzjoni tal-fenek selvaġġ ħadet inkonsiderazjoni il-proposti kollha li għamlu il-MEPA, l-FKNK, KSU, il-pariri tal-esperti tal-kaċċa/nsib tal-fenek selvaġġ, kif ukoll proposti magħmula mill-BirdLife (Malta).

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow