Left arrow Mur Lura

IL-GVERN SE JKUN QED IWESSA’ L-PARAMETRI TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI GĦALL-PROMOZZJONI TAL-UGWALJANZA

pr141197
Date Icon 29/05/2014

L-NCPE mistenni jkun trasformat f’Kummissjoni għad-Drittijiet Umani u l-Ugwaljanza

B’konformità mal-impenn tal-Gvern li jagħti importanza akbar lill-qasam tad-drittijiet umani, fil-futur qrib, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza se tkun qed tinbidel f’Kummissjoni għad-Drittijiet Umani u l-Ugwaljanza.

Dan tħabbar mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijijet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli meta kienet qed tindirizza l-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) li din is-sena qed tiċċelebra wkoll l-għaxar sena mit-twaqqif tagħha.

Il-Ministru Dalli qalet li bil-mod ta’ kif il-Gvern se jkun qed iwessa’ l-parametri ta’ ħidma tal-Kummissjoni, se jwassal biex din isservi ta’ istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet umani fl-istess ħin li tassigura l-ħarsien ta’ ugwaljanza skont id-direttivi Ewropej fuq trattament ugwali.

Dr Dalli semmiet kif bil-ħatra ta’ erba’ nisa fil-Parlament Ewropew minn total ta’ sitta, pajjiżna wera li lest li jeleġġi kandidati nisa fit-tmexxija politika jekk ikun hemm kandidatura tajba femminili. Fissret kif il-Gvern huwa kommess li jkompli jżid il-parteċipazzjoni tan-nisa sew f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija kif ukoll fil-politika.

Dwar il-ħidma mwettqa fl-aħħar tnax-il xahar mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, il-Ministru Helena Dalli semmiet kif ittieħdu bosta inizjattivi li poġġew il-qasam tal-ugwaljanza fuq l-aġenda nazzjonali. Fl-istess ħin, tqajmet kuxjenza fost il-pubbliku permezz ta diversi kampanji edukattivi fosthom Have your Say Campaign u l-Anti Racism Theme Day.

Spjegat kif fl-aħħar sena, il-Kummissjoni kienet strumentali fejn għaddiet diversi proposti fuq materji relatati mad-dokument ta’ qabel il-Budget u mal-abbozz ta’ liġi dwar il-Koabitazzjoni.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni kkonkludiet b’suċċess 21 investigazzjoni minn total ta’ 53 ilment filwaqt li ngħata taħriġ ta’ madwar 50 siegħa lil aktar minn 860 parteċipant dwar temi relatati ma’ sterjotipi, tipi differenti ta’ diskriminazzjoni, u fastidju sesswali fost l-oħrajn.

Il-Ministru Helena Dalli qalet li l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-libertajiet ċivili tikkumplimenta l-isforzi li qed tagħmel l-NCPE lejn ugwaljanza fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru. 

F’dan ir-rigward hija semmiet it-twaqqif tal-kunsill konsultattiv b’rappreżentanza ta’ persuni LGBTI, l-introduzzjoni tal-liġi dwar l-Unjoni Ċivili, emendi għall-kodiċi ċivili li jippermettu persuni transgender li jkollhom l-istess drittijiet daqs ħaddieħor inkluż id-dritt taż-żwieġ u emendi fil-Kostituzzjoni biex tkun offruta protezzjoni kontra diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru.

Sadanittant, il-Ministru Helena Dalli ppreżentat ċertifikazzjoni tal-Equality Mark lil Public Broadcasting Services, lill-Awtorità dwar il-Mediċini u lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità b’rabta ma’ ħarsien ta’ trattament ugwali fil-prattiċi tax-xogħol fost l-impjegati.

Fl-istess ħin, sitt organizzazzjonijiet oħra irċevew konferma taċ-ċertifikazzjoni tagħhom għat-tieni darba. 

S’issa huwa stmat li aktar minn 15,600 impjegat f’54 kumpanija privata u entità tal-Gvern qed jaħdmu f’ambjent rikonoxxut għall-kundizzjonijiet ugwali offruti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow