€132 MILJUN FAVUR IT-TISĦIĦ TA’ RIŻORSI UMANI U AKTAR PRODUTTIVITÀ
Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-programmi ta’ operazzjoni daħal f’fażi oħra, hekk kif dalgħodu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej, Dr Ian Borg indirizza laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika fl-MCC, il-Belt Valletta.
Matul din il-laqgħa, Dr Borg saħaq fuq l-importanza li nkomplu ninvestu aktar fuq ir-riżors uman. Fil-fatt għall-programm il-ġdid, Dr Borg spjega kif fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, ser ikunu qed jiġu allokati madwar €132 miljun propju bil-għan li nsaħħu l-aqwa riżors li għandu dan il-pajjiż - ir-riżors uman.
Waqt li kien qed jispjega l-prijoritajiet li ġew identifikati, Dr Borg tenna l-impenn ta’ dan il-Gvern li jiddedika l-fondi neċessarji favur aktar investiment li jinċentiva l-impjegabilità, favur soċjetà aktar inklussiva, favur aktar edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja kif ukoll investiment li jara li l-kapaċità amministrattiva fis-settur pubbliku tiġi msaħħa.
Dr Borġ ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jersqu ’l quddiem bi proposti u proġetti li hu persważ li ser jgħinu lill-Gvern jilħaq il-miri tiegħu waqt li jtejbu mhux biss ir-riżors uman fi ħdanhom iżda wkoll il-produttività tagħhom.
Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni ġie mniedi aktar kmieni dan ix-xahar f’laqgħa bejn l-Gvern u l-Oppożizzjoni fejn kien ġie diskuss u maqbul l-qafas ta’ dawn il-programmi operattivi. Aktar tard dan il-qafas ġie wkoll ippreżentat lill-imsieħba soċjali li qablu mal-prijoritajiet elenkati. Dakinhar kien ukoll ġie żvelat kif ser ikunu qed jiġu mqassma is-€717-il miljun tal-Fond ta’ Koeżjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020. Dawn il-fondi ser ikunu qed jiġu allokati fuq ħdax-il prijorità li jinkludu l-investiment favur aktar riċerka u innovazzjoni (€72 miljun), fis-settur tal-ICT (€38 miljun), fl-intrapriżi żgħar u medji (€53 miljun), f’ġenerazzjoni ta’ enerġija aktar nadifa (€57 miljun), favur l-ambjent (€200 miljun).
Għal-laqgħa ta’ dalgħodu attendew numru sabiħ ta’ rappreżentanti ta’ NGO’s, entitajiet governattivi u anki persuni interessati. Dr Borg spjega kif il-kontribut tal-pubbliku huwa importanti sabiex l-iskemi għall-industrija li eventwalment ser ikunu qed jiġu mnedija aktar tard sal-aħħar ta’ din is-sena, ikunu jirriflettu eżattament dak li qed jitlob u dak li għandu bżonn dan is-settur.
Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni li jmiss ser tkun qed tinżamm nhar it-Tnejn li ġej, 2 ta’ Ġunju fil-Grand Hotel fl-Imġarr Għawdex.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041