TITNIEDA S-SISTEMA ELETTRONIKA TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA GĦALL-MINISTERI KOLLHA LI SE TAGĦTI L-OPPORTUNITÀ LILL-PUBBLIKU LI JSEMMA’ LEĦNU
Il-Ministru Helena Dalli tgħid li din l-inizjattiva mnedija mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali hija parti integrali mill-politika ta’ Gvern miftuħ u ta’ djalogu.
Il-Gvern nieda sistema elettronika li tippermetti lill-pubbliku li jgħaddi r-reazzjonijiet u s-suġġerimenti tiegħu fuq kull abbozz ta’ liġi li jkun qed jiġi propost. Dawn se jinkludu greenpapers, whitepapers, abbozzi ta’ liġijiet u liġijiet li se jkunu emendati.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret kif din l-inizjattiva mnedija mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali tagħmel parti integrali mill-politika ta’ Gvern miftuħ u ta’ djalogu u qed iġġib fis-seħħ wegħda elettorali oħra.
Fi kliem Dr Dalli, mhumiex se jkunu biss l-esperti legali li jistgħu jressqu l-opinjonijiet tagħhom iżda anke l-pubbliku inġenerali, fejn il-kummenti u s-suġġerimenti li se jidħlu se jkunu ppublikati wara kull konsultazzjoni.
Hija spjegat kif il-fatt li s-sistema se tkun waħda online se tippermetti li l-konsultazzjoni tintlaħaq b’mod faċli. Fl-istess ħin, se jkunu qed jintlaqgħu wkoll kummenti b’mezzi tradizzjonali li se jitqiesu wkoll wara li jintemm il-proċess.
Kull ministeru se jkun qed ipoġġi d-dokumentazzjoni fuq is-sit elettroniku socialdialogue.gov.mt sabiex jirċievi kummenti mingħand il-pubbliku inġenerali, is-soċjetà ċivili, trade unions, partiti politiċi u anke mingħand istituzzjonijiet tal-gvern stess.
Il-Ministru Dalli emfasizzat li l-Gvern irid iwassal messaġġ li l-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun wieħed miftuħ fejn il-pubbliku tassew jagħti sehmu u mhux jieqaf biss sa sottomissjoni.
Intant, il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali qed iħarreġ tim ta’ persuni sabiex ikun jista’ jibda jħaddem din is-sistema biex jikkordina l-konsultazzjonijiet li l-ministeri differenti jkunu għaddejjin bihom.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti s-Sur Joseph Camilleri.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en