IL-MINISTRU MICHAEL FARRUGIA JINDIRIZZA SEMINAR DWAR IT-TRAFFIKAR TA’ BNEDMIN
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farruġia llum is-Sibt 10 ta’ Mejju wara nofsinhar attenda għal seminar li ġie organizzat minn Cross Culture International Foundation in Malta (CCIF) fejn ġew diskussi diversi punti dwar traffikar ta’ bnedmin (HumanTrafficking).
Bil-maġġoranza ta’ attendenza żagħżugħa, il-Ministru tkellem dwar l-impenn illi l-gvern qed jieħu dwar din is-sitwazzjoni xejn dinjituża li tagħmel għajb lin-nazzjonijiet kollha. Huwa saħaq li Gvern Laburista mill-ewwel daħal biex jieħu bis-serjetà l-kwistjoni tal-immigranti irregolari u l-aktar sabiex ma jintilfux aktar ħajjiet fil-baħar Mediterran.
Il-Ministru tkellem wkoll dwar il-ħidma li qed issir sabiex l-immigranti irregolari tfal jew minuri li jidħlu f’Malta waħedhom jiġifieri mhux akkumpanjati minn ġenituri inkella mill-adulti ma jibqgħux jinżammu mal-kumplament ta’ persuni akbar minnhom fl-età, iżda jitpoġġew f’ambjent aħjar. Għaldaqstant, huwa żied li qed isiru t-tħejjijiet u l-ippjanar meħtieġ sabiex jinstab post u jiġi attrezzat għal dan l-iskop.
Il-Ministru Michael Farrugia ħabbar ukoll illi bħal issa jinsab għaddej b’diskussjonijiet ma’ kumpanija privata illi offriet is-servizzi tagħha b’xejn għal dawn l-addoloxxenti sabiex jitgħallmu l-lingwa Ingliża. B’hekk, dawn it-tfal u żgħażagħ li ma jkunux midħla ta’ din il-lingwa, jitgħallmuha bit-tama li tiftħilhom it-triq mhux biss tal-komunikazzjoni, iżda fuq kollox sabiex tinfetħilhom il-possibilta` li jissuktaw bl-edukazzjoni xierqa u wara jsibu aktar opportunitajiet għal impjieg.
Fuq kollox, sostna l-Ministru, din ser tkun inizjattiva illi bla dubju ta’ xejn se tħallihom ’il bogħod minn ħajja bla direzzjoni li tista’ twassalhom għall-kriminalità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en