IL-MINISTRU LEO BRINCAT U L-MINISTRU DR. OWEN BONNICI JATTENDU GĦALL-FTUĦ TAL-VALLETTA GREEN FESTIVAL, ORGANIZZAT MILL-V.18
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr. Owen Bonnici, attendew għall-ftuħ tal-Valletta Green Festival fi Pjazza San Ġorġ, organizzat mill-V.18.
Fl-indirizz tiegħu il-Ministru Brincat qal li meta bħala Ministeru ġew mistiedna mill-V18 sabiex jieħdu sehem f'dan il-GREEN FESTIVAL organizzat minnhom, kien hemm qbil sa mill-bidu nett li s-sehem tagħhom kellu jkun iffukat l-aktar fuq l-aspett edukattiv marbut kemm mal-kampanja għat-tħawwil tas-siġar, is-saħħa tal-pjanti, dak li għandu x'jaqsam mal-immaniġġjar tal-iskart, kif ukoll it-tibdil tal-klima.
Għal dan il-għan, huma ser ikunu qed jipparteċipaw b'mod dirett b'diversi modi permezz ta' entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tal-Ministeru.
Fejn jidħlu id-Direttorat tal-Parks, dawn sejrin ikunu qed joffru informazzjoni dwar il- kampanja 34U kif ukoll dwar l-importanza tas-siġar indiġeni f'din il-kampanja. Ser jipprovdu ukoll pjanti u żrieragħ għall-pubbliku bil-għan li jinkoraġġuwom jkabbru is-siġar tagħhom.
Fejn tidħol il-Wasteserv, rappreżentanti tal-kumpanija sejrin ikunu qed joffru tagħrif lill- pubbliku dwar kif l-iskart jista’ effettivament jiġi mnaqqas, użat mill-ġdid u riċiklat skont il-prinċipji bażiċi tar-Reduce, Reuse and Recycle. Min ikun qed iżur il-Festival ikun jista’ iġib miegħu batteriji użati, bozoz maqtugħa u anki mediċini skaduti li jiġu mgħoddija lil Wasteserv stand fejn imbgħad jingħataw token għal pjanti b'xejn.
Ser ikun hemm taħdidiet informattivi mill-Wasteserv f'ħames okkażżjonijiet differenti matul dawn it-tlett ijiem tal-Green Festival.
Min-naħa tagħhom it-taqsima tal-Plant Health sejrin ikunu qed iqassmu pjanti ornamentali lill-viżitaturi, jispjegaw kif tista’ tingħata kura lilhom flimkien ma’ tagħrif informattiv għall-pubbliku ġenerali.
Il-Ministru Brincat qal li nhar il-Ħadd ser ikollhom ukoll taħdita interessanti dwar it-tibdil tal-klima mill-espert u konsulent Alan Pulis fejn jistiednu lill-pubbliku jsaqsi aktar dwar dan is-suġġett topiku li din il-ġimgħa kien saħħansitra fiċ-ċentru ta' dokument uffiċjali ippublikat mill-White House innifisha. Dan id-dokument jikkonferma li huwa suġġett ġeo-strateġiku b'impatti soċjo-ekonomiċi u mhux biss xi ħaga li tolqot lis-settur ambjentali waħdu.
Huwa qal li jemmnu li bis-sehem tagħhom sejrin jkunu qed jżidu l-valur lill-inizjattiva fejjieda li għandha toffri kemm divertiment, attrazzjoni speċjali u anki tagħrif u edukazzjoni bażika f'oqsma ferm importanti għall-pubbliku in-ġenerali.
Il-Ministru Brincat temm id-diskors tiegħu billi radd ħajr lill-organizzaturi għal din l-opportunita', filwaqt li awgura li dawn it-tlett għanijiet jintlaħqu matul it-tliet ijiem tal-festival innifsu.
Radd ħajr lil kulħadd inkluż dawk il-membri tal-pubbliku li hu jinsab konvint li sejrin ikunu qed iżuru dan il-festival b'mod numeruż fil-jiem li ġejjin.
Fl-indirizz tiegħu il-Ministru Dr Bonnici qal li l-Valletta Green Festival huwa inizjattiva fil-konkret ta’ kif il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tieħu impenn biex twettaq proċess ta’ stimolu għar-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, lejn Belt aktar ħajja u vibranti.
Huwa nnota kif dan joħroġ ukoll mill-Manifest Elettorali tal-Gvern li jinkludi żewġ miżuri speċifiċi b’dan l-għan, għal Valletta 2018.
Il-Ministru Dr Bonnici feraħ lill-Fondazzjoni Valletta 2018 għall-inizzjattiva tal-Valletta Green Festival li tgħaqqad flimkien l-aspett kulturali u dak tar-riġenerazzjoni f’kuntest ta’ parteċipazzjoni popolari fil-Belt Valletta.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en