APPLIKAZZJONIJIET GĦAT-TIENI SESSJONI TAL-EŻAMIJIET TAL-BENCHMARK TA’ TMIEM L-EDUKAZZJONI PRIMARJA
Minbarra l-Ewwel Sessjoni tal-Benchmark ta’ Tmiem l-Edukazzjoni Primarja li se ssir bejn it-28 ta’ Mejju u l-4 ta’ Ġunju 2014, id-Direttur Ġenerali għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni tixtieq tgħarraf lill-pubbliku li se ssir it-Tieni Sessjoni tal-Benchmark ta’ Tmiem l-Edukazzjoni Primarja. Din se ssir fl-Iskola Primarja tal-Floriana f’Malta u fl-Uffiċċju tal-Edukazzjoni fir-Rabat, Għawdex, bejn is-16 u l-20 ta’ Ġunju 2014 bejn il-3.00 u s-6.00 ta’ filgħaxija.
L-applikazzjonijiet jistgħu jittieħdu mit-Taqsima tal-Customer Care, Id-Direttorati tal-Edukazzjoni, Floriana jew mill-Uffiċċju tal-Edukazzjoni, Għawdex, mill-5 ta’ Mejju 2014. L-applikazzjonijiet jistgħu wkoll jinkisbu mis-sit elettroniku http://www.curriculum.gov.mt. Dawn l-applikazzjonijiet huma maħsuba għal dawk l-istudenti li bħalissa jattendu s-Sitt Sena fi Skola tal-Knisja jew Indipendenti li mhix se tieħu sehem fl-Ewwel Sessjoni tal-Benchmark ta’ Tmiem l-Edukazzjoni Primarja. Fil-każ ta’ studenti oħrajn, li kienu morda jew assenti fl-Ewwel Sessjoni għal xi eżami jew għal xi parti minnu, it-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv se tassumi awtomatikament li huma se jagħmlu l-eżami jew il-parti li jkunu tilfu, fit-Tieni Sessjoni. Għaldaqstant dawn it-tfal m’hemmx għalfejn jerġgħu japplikaw. Madanakollu, għandhom jippreżentaw ritratt daqs ta’ passaport lill-Kap tal-Iskola sat-11 ta’ Ġunju 2014.
L-applikazzjonijiet iridu jaslu fit-Taqsima tal-Customer Care, Id-Direttorati tal-Edukazzjoni, Floriana, jew fl-Uffiċċju tal-Edukazzjoni, ir-Rabat, Għawdex, sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 2014. Kull talba għal eżenzjoni minn xi komponent tal-Benchmark jew talba għal Access Arrangements tiġi kkunsidrata skont l-evidenza li tkun ingħatat fl-Ewwel Sessjoni tal-Eżamijiet tal-Benchmark ta’ Tmiem l-Edukazzjoni Primarja. Kandidati li se japplikaw għat-Tieni Sessjoni bħala kandidati privati, li l-iskola tagħhom mhix se tieħu sehem fl-Ewwel Sessjoni tal-Benchmark ta’ Tmiem l-Edukazzjoni Primarja, u li għandhom bżonn xi Access Arrangement, għandhom jikkuntattjaw it-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv fuq in-numru 25982139 sas-16 ta’ Mejju 2014.
Kull tagħrif ieħor jista’ jinkiseb billi wieħed jikkuntattja t-Taqsima tal-Assessjar Edukattiv fuq in-numru 25982139.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en