L-ISKOLA PRIMARJA TAL-MELLIEĦA MUDELL TRANSKULTURALI
Dalgħodu, waqt attivita’ organizzata mill-iskola Primarja tal-Mellieħa bl-isem ta’ ‘Multicultural Day – Celebrating Diversity’, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fissret lil din l-iskola bħala mudell transkulturali.
Dan hekk kif f’din il-ġurnata, it-tfal fl-iskola Primarja tal-Mellieħa ċċelebraw id-diversita’ billi ittrasformaw il-klassijiet tagħhom f’wirjiet ta’ pajjiżi varji, b’kostumi, ikel u tradizzjonijiet marbuta mal-pajjiżi rispettivi tagħhom.
Il-President Coleiro Preca qalet li din iċ-ċelebrazzjoni qed tagħti bidu għall-proċess li jrid jgħaddi minnu pajjiżna bil-għan li l-poplu Malti jkompli jħaddan kulturi differenti.
Saħqet li minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha, Malta tista’ tkun ta’ eżempju għall-pajjiżi oħra, fejn tippromwovi sens ta’ djalogu u xhieda ta’ aċċettazzjoni tad-diversita’.
B’hekk ukoll, sa minn ċkunithom, it-tfal Maltin jkunu mrobbija f’soċjeta’ ikkulurita’ u tolleranti għall-kulturi oħra differenti minn tagħna.
Temmet tħeġġeg lil kulħadd jaghmel il-parti tiegħu biex flimkien nassiguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri jgħixu f’ambjent ta’ għaqda, għarfien, rispett u tolleranza lejn kulturi oħra.
B’hekk is-soċjeta’ Maltija tkun waħda msejjsa fuq il-paċi u l-armonija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en