Left arrow Go Back

ĠIMGĦA MALTIJA FIL-BELT TA’ MONHEIM - 6-13 TA’MEJJU 2014

pr140965mt
Date Icon 05/05/2014

L-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin, flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewopeja f’Monheim, iċ-Ċentru għat-Tagħlim tal-Adulti u l-awtoritajiet tal-belt, bl-għajnuna u l-partiċipazzjoni tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Air Malta, il-Malta Enterprise, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, u l-Għaqda ta’ Ħbiberija Ġermanja-Malta, ser jorganiżżaw “Ġimgħa Maltija” fil-belt ta’ Monheim bejn is-6 u t-13 ta’ Mejju. Matul din il-ġimgħa, Malta se tkun fiċ-ċentru ta’ ħafna attivitajiet.

Monheim, b’popolazzjoni ta’ 45,000 ruħ, hija belt sinjura viċin ħafna ta’ Duesseldorf, il-belt kapitali tal-istat federali ta’ North Rhine-Westphalia, l-istat bl-ikbar popolazzjoni fil-Ġermanja.  Erbgħa mill-ikbar bliet tal-Ġermanja (Duesseldorf, Cologne, Dortmund u Essen) jinsabu f’dan l-istat. Ekonomikament l-istat huwa wieħed mill-iktar b’saħħithom fil-Ġermanja. Ir-reġjun huwa ta‘ interess kbir għal Malta għal ħafna raġunijiet. L-AIR MALTA għandha  titjiriet diretti minn u lejn Duessseldorf sitt darbiet fil-ġimgħa.  Il-Ġimgħa Maltija f’Monheim mistennija tattira nies minn Duesseldorf u l-bliet kollha tal-madwar.

Il-programm ta‘ attivitajiet, ikkordinat minn Manfred Klein, President tal-Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewopeja f’Monheim, jibda b’ċerimonja tal-ftuħ nhar it-Tlieta, 6 ta’ Mejju, fil-muniċipju ta’ Monheim. Fiha ser jieħdu sehem u jitkellmu s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali u Ewropej tal-Istat ta’ North Rhine-Westphalia, Dr Marc Jan Eumann, is-Sindku tal-belt ta’ Monheim, Dr Daniel Zimmermann, u l-Ambaxxatur Malti ghall-Ġermanja, Dr Albert Friggieri. Ħames mużiċisti u żeffiena Maltin se jieħdu sehem fis-serata, filwaqt illi se tiġi inawgurata esibizzjoni ta‘ ritratti artistiċi li juru ftit mill-wirt naturali u kulturali Malti.

Attrazzjoni speċjali matul il-Ġimgħa Maltija se tkun wirja ta’ 140 tpinġija minn tfal Maltin li jattendu s-seba’ l-iskejjel primarji tal-Kulleġġ Santa Margerita. Dawn it-tfal pinġew veduti u oġġetti tipiċi Maltin biex juru lit-tfal Ġermaniżi ta‘ Monheim aspetti differenti tal-ħajja f’Malta.

Nhar is-7 ta’ Mejju, l-Ambaxxatur Dr Albert Friggieri se jagħti taħdita dwar “Malta l-Bieraħ u Llum: Repubblika Dinamika” fis-sala tal-laqgħat ta’ Baumberg.

Żewġ awturi Ġermaniżi, is-Sinjura Anke Jablinski u s-Sinjura Wibke Seifert, ser jaqraw mill-kitbiet tagħhom fuq Malta – Anke Jablinski fit-8 ta’ Mejju u Wibke Seifert fid-9 ta’ Mejju. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Mejju jkun hemm serata ddedikata lit-turiżmu u l-kultura Maltija, fejn il-pubbliku jkun jista’ wkoll jduq xi ikel u xorb Malti. Is-Sinjura Catherine Friggieri, il-mara tal-Ambaxxatur, ser titkellem fuq it-tradizzjoni tal-bizzilla, turi kif tinhadem u tesibixxi xogħlijiet tagħha.

Nhar it-12 ta’ Mejju l-istoriku Dietmar Gawlinski se jitkellem dwar l-Ordni tal-Kavallieri ta‘ San Gwann u r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ordni. Qabel it-tahdita ser jintwera wkoll dokumentarju fuq Malta u l-Ordni, produzzjoni reċenti tad-Deutsche Welle. Membri tal-Assoċjazzjoni tal-Malteser, waħda mill-ikbar aġenziji li jagħmlu xogħol umanitarju u li hija attiva fid-dinja kollha se jispjegaw kif l-assoċjazzjoni twettaq ix-xogħol tagħha.

“Forum Ekonomiku” bil-parteċipazzjoni tal-Malta Enterprise, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Duesseldorf u l-Assoċjazzjoni Ġermaniża għall-Promozzjoni Ekonomika u l-Kummerċ Esteru, nhar it-13 ta‘ Mejju, iġib fi tmimha il-Ġimgħa Maltija.  Is-Sur Michael Seifert, direttur maniġerjali tal-kumpanija Seifert mtm Systems ta’ Ħal Far (kumpanija li giet Malta mill-istat ta’ North Rhine-Westphalia), se jitkellem dwar l-istorja tal-kumpanija u l-attivitajiet tagħha f’Malta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow