ARRANĠAMENTI BIEX PAZJENTI FL-ISPTARIJIET JIVVUTAW FL-ELEZZJONIJIET GĦALL-PARLAMENT EWROPEW 2014
Proċess tal-Votazzjoni fl-isptarijiet
Id-Dipartiment tas-Saħħa jgħarraf li wara tibdil fil-leġislazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni Elettorali saru dawn l-arranġamenti li ġejjin sabiex il-votazzjoni minn pazjenti fl-isptarijiet tal-Gvern timxi bl-ordni.
Pazjenti rikoverati sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 19 ta’ Mejju 2014
Pazjenti li jkunu rikoverti fl-isptarijiet ta’ Mater Dei, Monte Karmeli, l-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 19 ta’ Mejju 2014, għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod ieħor, ser jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija. Il-votazzjoni ser issir il-Ħamis, 22 ta’ Mejju 2014 bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.
Pazjenti rikoverati wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 19 ta’ Mejju 2014
Pazjenti li jiġu rikoverati fl-isptar Mater Dei, l-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, l-isptar Monte Karmeli u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 19 ta’ Mejju 2014, kif ukoll pazjenti u residenti fl-isptar Boffa ser jivvutaw fil-jum tas-Sibt, 24 ta’ Mejju 2014, fil-bliet u l-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.
It-tabib inkarigat mill-kura tal-pazjent, ser jindika fl-istorja ta’ kull pazjent jekk jistax joħroġ mis-sala biex jivvota u jekk iva, b’liema mezz ta’ trasport.
Il-pazjenti jkollhom l-għażla li jinqdew bis-servizzi li ser joffri d-Dipartiment sabiex ikunu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni fl-isptar stess u lura, jew inkella jagħmlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati lejn u lura, minn persuna oħra identifikata minnhom minn qabel.
F’kull sptar fejn il-qraba ser iwasslu lill-pazjenti huma stess bi trasport privat, ikun meħtieġ li dawn l-istess qraba jitolbu permess bil-miktub minn qabel lill-Amministratur ta’ l-isptar li fih il-pazjent/a hu/hi rikoverat/a. F'jum il-votazzjoni, jiġifieri is-Sibt, 24 ta’ Mejju 2014, dan il-permess irid jintwera l-ewwel lill-uffiċjal tas-sigurtà tal-isptar sabiex l-individwu jkollhu aċċess għall-isptar, u mbagħad lill-uffiċjal inkarigat fl-istess sptar mit-trasport tal-pazjenti. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess u jiġi evitat dewmien żejjed, hu mitlub li qraba li jiġbru lill-pazjenti huma nnifishom, jagħmlu bejn is-siegħa u l-ħamsa ta’ wara nofsinhar.
Fil-każ ta’ pazjenti li joħorġu biex jivvutaw kontra l-parir tat-tabib jew li ma jieħdux il-parir mogħti lilhom rigward il-mezz tat-trasport jew akkumpanjament, ikun meħtieġ li l-pazjent jiffirma dikjarazzjoni li qed jagħżel li jagħmel hekk fuq responsabbilità tiegħu nnifsu. Jekk jagħmel hekk, ikun jista’ jmur b’liema mezz li jagħżel.
Id-dokument għall-votazzjoni tal-Elezzjoni Għall-Parlament Ewropew
Il-pazjenti huma mfakkra li biex joħorġu jivvutaw għandu jkollhom f'idejhom id-Dokumenti għall-Votazzjoni. Il-qraba li għandhom f’idejhom id-dokument għall-votazzjoni tal-pazjenti huma mitluba li jagħtu d-dokument lill-pazjent/a. Saru arranġamenti amministrattivi biex pazjenti li jixtiequ jafdaw id-Dokumenti għall-Votazzjoni f'idejn l-Awtoritajiet ta’ l-Isptar jew f’idejn ic-Chairperson tas-Sottokumitat imwaqqaf apposta mill-Kummissjoni Elettorali, ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li tiġi garantita is-sigurtà ta' dawn id-dokumenti.
Servizzi tas-Saħħa
Fil-jum tal-votazzjoni, is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji u fiċ-Ċentri tas-Saħħa ser ikomplu għaddejjin bħas-soltu.
Ħinijiet tal-Viżitaturi fil-Jum għall-Votazzjoni
Minħabba li l-Ħamis, 22 ta’ Mejju 2014, ser ikun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet, il-ħinijiet tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, fl-Isptar Monte Karmeli u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser ikun ristrett għal siegħa, bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.
Is-Sibt, 24 ta’ Mejju 2014, il-ħinijiet tal-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Boffa ukoll ser ikunu ristrett għal siegħa, bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija.
F’każ ta’ problemi u dubji, il-pubbliku hu mitlub jikkomunika mas-sezzjoni tal-Customer Care jew l-amministrazzjoni fl-entità kkonċernata.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en